Każ ieħor ta’ scabies fi skola fil-Ħamrun

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni dalgħodu ħabbar li nstab każ ieħor ta’ scabies fl-iskola Primarja tal-Ħamrun fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca. L-iscabies hi infezzjoni fil-ġilda, li tittieħed, u li hija kkawżata minn dudu li jħaffer fil-ġilda.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-iskola ħadet il-miżuri kollha neċessarji minnufih u saru l-interventi skont il-proċeduri normali f’dawn il-każijiet.

Propju x-xahar li għadda, sitt studenti li jattendu tliet skejjel fl-istess Kulleġġ instab li kienu infettati bl-iscabies. Kelliema għall-Ministeru għall-Edukazzjoni kienet ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li kien hemm żewġ studenti f’kull skola. Madanakollu ma qalitx liema skejjel huma affettwati.