Każ ieħor ta’ Covid-19 fil-Qorti

Read in English.

Persuna li taħdem il-Qorti rriżultat pożittiva għall-Covid-19. Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mill-kelliem għall-Ministeru għall-Ġustizzja, li kompla jispjega li din il-persuna ma kellha l-ebda sintomi meta kienet fuq il-post tax-xogħol.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-kelliem fisser li l-persuna bdiet tħoss is-sintomi fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u li fl-ebda ħin minn meta kellha s-sintomi ma reġgħet daħlet lura għax-xogħol. Sostna li uffiċjali oħra li setgħu kienu f’kuntatt magħha ġew mitluba biex sakemm isir il-contact tracing minn naħa tal-awtoritajiet tas-saħħa ma jirrappurtawx għax-xogħol fiżikament. Dan is-sit hu infurmat li hemm Maġistrat li jinsab fi kwarantina, madanakollu dan ġie miċħud mill-Ministeru għall-Ġustizzja.

X’miżuri qed jittieħdu fil-Qorti?

  • Monitoraġġ tat-temperatura ta’ kull min jidħol fil-binja tal-Qorti
  • Użu ta’ maskri u visors
  • Distribuzzjoni ta’ hand sanitiser mal-bini kollu tal-Qorti
  • Miżuri ta’ social distancing
  • Iffumigar regolari tal-bini tal-Qorti

X’inhuma l-miżuri ġodda li ddaħħlu fl-aħħar jiem?

Wara diskussjonijiet mal-membri tal-Ġudikatura, mal-Kamra tal-Avukati u anke mal-Kamra tal-Prokuraturi Legali ġie deċiż li:

  • Il-kawżi jiġu kollha skedati bil-ħin, biex ma jkunx hemm massa ta’ nies li jidħlu l-Qorti fl-istess ħin u l-ammont ta nies fil-bini jkun imqassam aħjar matul il-ħin tal-ġurnata
  • Il-pubbliku jitħalla jidħol fil-bini tal-Qorti sa mhux aktar minn kwarta qabel il-ħin tas-seduta
  • Żdiedu r-riżorsi (tagħmir u nies) fl-entratura tal-Qorti biex jitnaqqas il-ħin ta’ stennija biex il-pubbliku jidħol fil-bini tal-Qorti.