Każ ‘Golden Star’: Ekwipaġġ Sirjan u Eġizzjan jaqbeż il-baħar biex jevita l-arrest.

Dwar il-każ tal-vapur ‘Golden Star’ li ħa n-nar ‘l barra mill-kosta Maltija jumejn ilu, is-sit tal-aħbarijiet Taljan rainews24 jirrapporta li l-ekwipaġġ ta in-nar intenzjonalment malli indunaw li vapuri tal-Guardia di Finanza qed jersqu qrib il-bastiment. Is-sit jirrapporta ukoll li l-ekwipaġġ, kompost minn disa’ persuni, intefa’ fil-baħar biex jevita l-arrest. Jirrappurtaw li l-vapur kellu stivat 30 tunnellata ta’ Kannabis.

Rainews24 ikompli jirraporta li l-ekwipaġġ, li kien kompost minn irġiel ta’ nazzjonalità Sirjana u Eġizzjana, ġew salvati u miġbura mill-baħar mill-Guardia di Finanza. L-ANSA tirrapporta li dan l-avveniment kien parti minn operazzjoni kumplessa kontra t-traffikar tad-drogi, liema operazzjoni ġiet koordinata mill-Kmand Operattiv tal-Aeronavali ta’ Pomezja fl-Italja, u li bdiet tlett ijiem ilu.

Il-Forzi Armati ta’ Malta fuq il-paġna tagħhom fuq facebook jirrappurtaw li lbieraħ għal ħabta ta’ nofsinhar, in-nirien kollha fuq il-bastiment merkantili ‘Golden Star’ kienu mitfija. Il-vapur kien uffiċjalment mogħti f’idejn l-awtoritajiet Taljani għal ħabta tas-sagħtejn neqsin għoxrin ta’ lbieraħ waranofsinhar, u ġie rmunkat b’dgħajsa tal-irmonk bl-isem ta’ ‘Nos Taurus’ lejn Sqallija għal iktar investigazzjonijiet mill-awtoritajiet Taljani.

Il-vapur inizzjalment ġie rappurtat li ħa n-nar f’ibħra internazzjonali għal ħabta tal-5:30pm il-Ġimgħa li għadda, u kien f’dan il-mument, li l-Forzi Armati ta’ Malta b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru għal Koordinazzjoni ta’ Salvataġġ Taljan, ingħaqdu fl-isforzi tagħhom għat-tfittxija tal-vapur u s-salvataġġ tal-ekwipaġġ. L-operazzjoni kienet qed tiġi osservata mill-qrib minn Transport Malta filwaqt li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili assista fl-operazzjoni. Il-vapur huwa reġistrat taħt il-bandiera marittima tat-Tanzanija.