Każ ġdid ta’ Covid-19 fuq il-Gozo Channel; vapur wieqaf

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li ġie rreġistrat każ ġdid ta’ Covid-19 fost il-ħaddiema tal-Gozo Channel. Dan wassal biex il-vapur MV Gaudos bħalissa jinsab wieqaf fiċ-Ċirkewwa, sakemm issir il-fumigazzjoni u jiġi diżinfettat.

Kien nhar il-Ħadd li għadda li feġġ l-ewwel każ, b’ħaddiem fuq il-vapur MV Malita jirriżulta pożittiv għall-coronavirus. It-Tnejn ħareġ każ pożittiv ieħor, filwaqt li seba’ persuni tpoġġew fi kwarantina mandatorja għax kienu f’kuntatt mal-ħaddiema li rriżultaw pożittiv. Il-Ħadd, l-MV Malita kien wieqaf għal madwar erba’ sigħat sakemm ġie ffumigat.

Mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat liċ-Chairman tal-Gozo Channel dwar il-każ tal-lum ma ġewx imwieġba.

Intant, dalgħodu fil-Parlament, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li mill-1 ta’ Marzu sal-lum, fil-Gozo Channel kien hemm ħaddiem wieħed li ħreġ bi kwarantina minħabba kuntatt ma’ persuni bil-Covid-19. Huwa kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg li staqsiet lill-Ministru kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li ħarġu bi kwarantina minħabba kuntatt ma’ persuni pożittivi.

X’taħseb dwar il-miżuri tal-Covid-19 fuq il-vapuri tal-Gozo Channel?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt