Każ Ferris: L-AĠ u l-avukat difensur ma jikkummentawx

La l-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech u lanqas Dr Andrew Borg Cardona, l-avukati ta’ Jonathan Ferris, ma riedu jikkummentaw, fi tmiem is-seduta tal-lum fil-każ ta’ Ferris kontral-Avukat Ġenerali.
Ferris, l-eksimpjegat tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), qed jallega li twaqqaf milli jaħdem mal-aġenzija minħabba raġunijiet politiċi.
Newsbook.com.mt avviċina lill-Avukat Ġenerali hu u ħiereġ mill-awla, iżda xtaq li ma jgħaddix kummenti, kif għamlu wkoll l-avukati ta’ Ferris.
Il-kawża nfetħet minn Ferris, li fis-16 ta’ Ġunju li għadda kien għadu fiż-żmien ta’ probation mal-FIAU, meta kien ġie infurmat li l-kuntratt tiegħu se jitwaqqaf.
Fiż-żmien li Ferris twaqqaf milli jaħdem mal-FIAU, l-Aġenzija kienet tinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja wara li rapport żvela li l-investigaturi fl-FIAU talbu lill-Pulizija tinvestiga liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, fuq suspett ta’ ħasil ta’ flus.
Skont Ferris, hekk kif faqqgħet l-allegazzjoni tal-kumpanija Egrant fil-Panama, huwa ma tħalliex jinvestiga aspetti marbuta mal-Gvern.
L-allegazzjoni dwar Egrant kienet tgħid li Michelle Muscat hija sidt il-kumpanija. Din l-allegazzjoni ġiet miċħuda kemm mill-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll minn martu.
Il-każ qed jinstema’ quddiem it-Tribunal Industrijali kontra l-Avukat Ġenerali, li talab li ma jkunx hemm aċċess għall-midja fl-awla.
Grech huwa wkoll iċ-Ċermen tal-FIAU.
Informazzjoni oħra fil-pussess ta’ Ferris
Riċentement Jonathan Ferris qal ukoll li għandu f’idejh informazzjoni li ġabar waqt l-investigazzjonijiet tiegħu, imferrxin għand sitt persuni bejn familja u ħbieb.
Saħaq  li hu infurmat dwar atti ta’ korruzzjoni, abbuż ta’ poter, ħasil ta’ flus li seħħew fl-aħħar snin u li skontu għadhom għaddejjin u li jinvolvu uffiċjali għolja tal-Gvern Malti.
Ferris talab biex jingħata l-protezzjoni tal-whistleblower, iżda l-Gvern qallu li biex jagħtih il-protezzjoni jrid l-ewwel jurih l-informazzjoni li minħabba fiha jrid il-protezzjoni.
Il-ġimgħa l-oħra fil-Parlament Ewropew il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, qal li Ferris irid li jkollu l-protezzjoni ta' whistleblower għax għandu f'moħħu li jkun protett minn prosekuzzjoni kontrih minħabba li kiser il-liġi li tgħid li l-informazzjoni mill-FIAU ma tistax tiġi ppubblikata.