Filmat: KAŻ EGRANT: Tixhed il-‘whistleblower’; Il-PM jgħid li kuntent; Busuttil jgħidlu biex jitlaq

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=C4FatUqfgOY]

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kitbet li l-whistleblower tagħha, li hi eksimpjegata tal-Bank Pilatus, xehdet quddiem il-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta dwar il-każ Egrant, il-kumpanija fil-Panama li qed jiġi allegat li hi ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. Kemm Joseph Muscat kif ukoll martu qed jiċħdu l-allegazzjonijiet.
Fuq is-sit tagħha, Caruana Galizia rrappurtat li din l-eksimpjegata kienet is-sors ewlieni tagħha dwar il-bank u l-klijenti tiegħu.
Skont il-ġurnalista, kienet il-whistleblower innifisha li minn jeddha daħlet il-Qorti u talbet biex tixhed.  Ilbieraħ, fix-xhieda tagħha, Caruana Galizia ma xandritx l-identità tas-sors tagħha.
L-eksimpjegata tal-bank xehdet bejn it-3pm u s-6pm. 
Minbarra l-każ Egrant, il-Maġistrat Aaron Bugeja qed jinvestiga wkoll allegazzjonijiet ta' korruzzjoni u tixħim fil-konfront taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil xehed dwarhom u ressaq ukoll dawk li sejjaħ provi. 
"Kuntent ħafna għax se toħroġ il-verità" – PM
Fl-ewwel kummenti tiegħu dwar din l-aħbar, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jinsab kuntent ħafna għax hekk toħroġ il-verità. Stqarr li jaħlef b'Alla u li hu konvint li qed jgħid il-verità.
Anke fi stqarrija li ħareġ il-Gvern aktar tard, il-Prim Ministru esprima s-sodisfazzjon, hekk kif persuna "li suppost hi whistleblower marret tagħti xhieda quddiem l-inkjesta li talab hu stess".  Saħaq li jittama li dan iwassal biex ikun magħruf is-sewwa kollu dwar il-gideb li sar fil-konfront tiegħu u ta' familtu.
"Iktar kredibbli li Egrant hi ta' mart il-Prim Ministru" – PN
Il-Partit Nazzjonalista stqarr li issa li hemm ukoll whistleblower, Joseph Muscat għandu jitlaq għax postu m'għadux fil-politika. 
Fi stqarrija, il-PN qal li dan l-aħħar żvilupp f'ġimgħa sħiħa ta' fatti ġodda kuljum, ikompli jżid il-kredibilità tal-informazzjoni, li l-kumpanija Egrant hi tal-mara tal-Prim Ministru.
Filmat: One News