Aġġornata (5): KAŻ EGRANT: Simon Busuttil u DCG il-Qorti bil-‘provi’ li għandhom; il-Gvern iwieġeb

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li minbarra li ppreżenta l-provi li għandu dwar l-allegat tixħim u korruzzjoni miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, fil-Qorti xehed ukoll dwar Egrant, il-kumpanija fil-Panama li qed jiġi allegat li hi ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.
Dr Busuttil kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti hekk kif ħareġ mill-Qorti fejn xehed għal madwar sagħtejn quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja.  Il-Maġistrat Bugeja qed imexxi l-inkjesta li talab il-Prim Ministru wara li ġie allegat li l-kumpanija Egrant hi ta’ martu. Kemm il-Prim Ministru, martu Michelle u Keith Schembri qed jiċħdu l-allegazzjonijiet.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Busuttil qal li għandu f’idejh provi li juru li Keith Schembri rċieva €100,000 fil-kont li għandu fil-Bank Pilatus, mingħand il-konsulent tal-Prim Ministru Brian Tonna ta’ Nexia BT, allegatament bħala commissions mill-bejgħ taċ-ċittadinanza lil tliet Russi.
Dwar l-għajdut ta’ elezzjoni ġenerali bikrija, Simon Busuttil qal li mhix sitwazzjoni normali, li Gvern li tela’ b’maġġoranza ta’ 36,000 vot, isejjaħ elezzjoni wara erba’ snin.  Żied jgħid li l-unika raġuni għal elezzjoni bikrija hi li l-Prim Ministru jrid jevita li jiġi interrogat dwar l-investigazzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li baqa’ ma ġiex avviċinat mill-Kummissarju tal-Pulizija. Dalgħodu wkoll telgħet tixhed quddiem l-istess Maġistrat, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
"Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jixhidx f'Qorti miftuħa kontra Keith Schembri" – Il-Gvern
B'reazzjoni, il-Gvern qal li wara iktar minn sena jagħmel akkużi gravi fil-konfront ta' Keith Schembri, il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa' sab skuża biex ma jixhidx bil-ġurament f'Qorti miftuħa, fejn jista' jippreżenta l-provi tal-akkużi li għamel, f'libell li fetaħlu Schembri.
Fi stqarrija l-Gvern qal li meta l-aħħar li ltaqgħet il-kawża, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li nesa x'qal dwar Keith Schembri. Żied jgħid li llum ddeċieda li b'mod konxju u orkestrat isib mod kif jevita li jidher f'Qorti miftuħa u li minflok għażel li jixhed quddiem Qorti oħra fil-magħluq.
Il-Gvern saħaq li Simon Busuttil qed jirrikonoxxi li l-inkjesta li fetaħ il-Prim MInistru hi serja. 
"Qbilna li l-kawża ta' libell tiġi diferita" – PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim MInistru qed ikompli jigdeb biex jipprova jsalva ġidu, imma għandu jitlaq issa għax postu mhux fil-politika.
Żied jgħid li mhux minnu li Simon Busuttil ma riedx imur jixhed fil-kawża ta' libell ta' Keith Schembri. Spjega li l-kawża ta' libell ġiet diferita bi qbil bejn iż-żewġ naħat, peress li l-Kap tal-Oppożizzjoni ntalab biex jixhed mill-Maġistrat Aaron Bugeja. 

Tixhed ukoll DCG

Dalgħodu wkoll telgħet tixhed quddiem l-istess Maġistrat, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Ma’ The Times of Malta, Caruana Galizia qalet li żewġ pulizija nisa mit-Taqsima tal-Frodi, marru d-dar tagħha jitolbuha titla’ l-Qorti. Ir-rapport jgħid ukoll li filwaqt li aċċettat, għamlitha ċara li ma tista’ tiżvela xejn iktar minn dak li diġà ħarġet.
Il-ġimgħa li għaddiet, DCG ippubblikat dawk li sejħet declaration of trusts li allegatament juru li mart il-Prim Ministru għandha ishma fil-kumpanija Egrant. 
Vodafone u GO jinvestigaw kienx hemm ksur ta' privatezza
L-editur Maniġerjali tal-MaltaToday Saviour Balzan issottometta lment lill-operaturi tat-telefonija Vodafone u GO, u talabhom jinvestigaw dak li sejjaħ ksur ta’ data personali. Issottometta lment ukoll mal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data.
Dan wara li l-ġurnalista Daphne Caruana kitbet li l-Ħamis li għadda Keith Schembri ċempel lil Saviour Balzan għall-ħabta tas-1am u tkellmu għal 10 minuti. Kitbet ukoll li s-Sibt filgħodu Balzan ċempel lil Schembri għall-ħabta tal-10am u tkellmu għal ftit sekondi. Reġgħu tkellmu fil-5.30pm, bil-konverżazzjoni damet 20 minuta.
Fil-bidu Balzan ċaħad l-allegazzjonijiet u qal li se jieħu passi legali.
F’reazzjoni, Vodafone u GO qalu li bħalissa għaddejja investigazzjoni interna u spjegaw li s’issa m’hemm l-ebda evidenza li tindika li kien hemm xi ksur fis-sistemi li jipproteġu l-komunikazzjoni tal-klijenti.