Aġġornata(3): KAŻ EGRANT: L-AD titlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga

Il-kontroversja dwar il-Bank Pilatus kompliet fl-aħħar sigħat wara d-dibattitu bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Kemm sorsi infurmati li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt kif ukoll il-gazzetta Sunday Times of Malta u aktar dokumenti maħruġa mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, iqajmu mistoqsijiet dwar dan il-bank.
Is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt esprimew dubji dwar kemm kien għaqli li l-Bank jitħalla jiftaħ f’Malta. Is-Sunday Times of Malta qed tgħid li l-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) sabet nuqqasijiet serji fil-bank, u Daphne Caruana Galizia kitbet li 60 mill-100 klijent tal-bank huma politiċi mill-Ażerbajġan.
Il-kontroversja kollha bdiet wara li Caruana Galizia allegat li mill-Bank Pilatus għaddew somom kbar ta’ flus fil-kumpaniji li l-Ministru Konrad Mizzi, u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għandhom fil-Panama. Caruana Galizia qalet li l-ikbar somom ta’ flus ġew trasferiti fil-kumpanija Egrant, li qed tallega li hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.  Il-Ministru Mizzi, Schembri, il-Prim Ministru u martu kollha qed jiċħdu bil-qawwa kollha dawn l-akkużi u anke fetħu libelli.
Waqt id-dibattitu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li issa mhux se jinstabu provi li Egrant hi ta’ Michelle Muscat, għax id-dokumenti li jikkonfermaw l-allegazzjonijiet, inħarġu mis-safe fil-kċina tal-Bank, minn sid il-Bank stess Seyed Ali Sadr Hasheminejad, li nhar il-Ħamis filgħaxija kien iffilmjat minn crew ta’ Net News huwa hu ħiereġ mill-Bank f’Ta’ Xbiex, b’żewġ bagalji f’idejh.
Il-Prim Ministru wieġeb li t-trasferimenti bankarji ma jinġarrux fil-bagalji, iżda jibqgħu rreġistrati fuq sistemi elettroniċi. It-tweġiba ta’ Dr Busuttil kienet li “qed nitkellmu dwar il-Bank Pilatus u mhux l-HSBC, il-BOV jew l-APS.”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar lill-Prim Ministru li l-liċenzja tal-Bank ingħatat f’din il-leġiżlatura. Joseph Muscat iwieġeb li r-regolatur tal-awtorità responsabbli, l-MFSA, huwa l-istess wieħed li kien fi żmien l-eks-Prim Ministri Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi.
Mhux il-kabinett kollu jaqbel mal-PM dwar Bannister
Madankollu mhux il-membri kollha tal-kabinett ta’ Joseph Muscat huma kuntenti bil-Prof. Joe Bannister, iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
Il-Ministru Evarist Bartolo ta’ spiss ilmenta u attakka lil Bannister u qal kemm-il darba li l-pożizzjoni tiegħu mhix tenibbli. 
Fost l-oħrajn kien kiteb li Bannister huwa qrib ta’ kumpaniji kbar li joffru konsulenza fis-settur finanzjarju.  Kien qal ukoll li huwa fatt magħruf li jekk tkellem lil Bannister, l-applikazzjoni tiġi pproċessata aktar malajr.  Bartolo kien allega li l-kunflitti ta’ interess ta’ Bannister jimpedixxu l-indipendenza li suppost ikollha l-MFSA. Min-naħa tiegħu Bannister dejjem ċaħad li għandu kunflitt ta’ interess.
Qal li ma jistax jgħid min għandu jew m’għandux kont il-bank, iżda jgħid li l-PM m’għandux
Nhar il-Ġimgħa għadd ta’ ġurnalisti kkonfrontaw lis-sid tal-Bank Pilatus hekk kif ħareġ minn lukanda f’San Ġiljan.
Wieħed mill-ġurnalisti staqsa b’insistenza kif bank jista’ jitqies serju u jkollu bħala klijenti lill-membri tal-familja ta’ Ilham Aliyev, id-dittatur tal-Ażerbajġan. Is-sid tal-bank qal li huwa pprojbit mil-liġi li jikkonferma jew jiċħad min huma l-klijenti tal-bank u għalhekk irrifjuta li jwieġeb il-mistoqsija.
Madanakollu, aktar kmieni l-Ġimgħa filgħodu l-Bank Pilatus ħareġ stqarrija biex jgħid li l-ebda membru tal-familja tal-Prim Ministru m’għandu kont fil-Bank Pilatus.
“Pajjiiżi oħra ma tawhx permess jiftaħ Bank”
Persuni midħla ħafna tas-servizzi finanzjarji f’Malta qalu ma’ Newsbook.com.mt li huma mistagħġba li l-MFSA tat liċenzja kontroversjali lill-Bank Pilatus, li għandu biss sid wieħed. Żiedu jgħidu li s-sid tal-Bank Pilatus ipprova jiftaħ il-bank f’pajjiżi oħra, imma ma ngħatax permess.
Daphne Caruana Galizia qalet li 60% tad-depożiti tal-Bank Pilatus huma ta’ PEPs Ażerbajġani u li l-Bank m’għandux iktar minn 100 klijent. Semmiet ukoll kif il-klijent ewlieni tal-Bank Pilatus huwa l-Ministru għall-Emerġenza tal-Ażerbajġan, Kamaladdin Heydaro. 
Żiedet tgħid li wara dan il-Ministru, l-ikbar klijenti tal-Bank huma iben u bint il-mexxej tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev.
Sid il-Bank, Seyed Ali Sadr Hasheminejad, li għandu 36 sena, huwa Iranjan, iżda għandu erba’ passaporti maħruġa minn St Kitts & Nevis. Dawn iż-żewġ gżejjer żgħar ħafna fil-Karibew huma magħrufa bħala ġurisdizzjoni dubjuża. Magħrufa wkoll għal programmi taċ-ċittadinanza, bil-passaporti jinxtraw b’minimu ta’ €233,000.
Sunday Times of Malta dalgħodu rrapportat li l-FIAU tat rapport lill-MFSA wara investigazzjoni ta’ ġimagħtejn is-sena li għaddiet. Is-Sunday Times qed tgħid li dan ir-rapport isemmi li fil-Bank Pilatus hemm nuqqasijiet serji dwar il-proċeduri li jikkontrollaw il-ħasil ta’ flus.
L-AD issejjaħ għal investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali
Id-Deputat Chairperson ta' Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo, ħabbar li għada l-AD se tippreżenta talba formali lill-Awditur Ġenerali biex jiftaħ investigazzjoni fuq l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (l-MFSA).
Fi stqarrija, Cacopardo qal li “minn din il-kriżi li ħakmet lill-pajjiż, hu ċar kristall il-falliment ta’ istituzzjonijiet li huma fdati biex jissalvagwardjaw it-trasparenza, governanza u etika f’kull qasam tal-ħajja pubblika.
L-AD qed titlob lill-Awditur Ġenerali jeżamina l-liċenzja mogħtija lill-Bank Pilatus mill-MFSA.
Ritratt: Net News