KAŻ EGRANT: “Nistenna li Joseph Muscat jispjega l-involviment tiegħu” – Manfred Weber

Iċ-Ċermen tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) Manfred Weber qal li jistenna li l-Prim Ministru Joseph Muscat, ix-xahar id-dieħel imur quddiem il-Parlament Ewropew biex jispjega l-involviment tiegħu fil-każ tal-Panama Papers. Weber kien qed jitkellem fil-Parlament Ewropew waqt dibattitu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Ungerija.
Sadanittant, għada waranofsinhar fi Brussell mistenni jiltaqa' l-Kumitat PANA, il-Kumitat fi ħdan il-Parlament Ewropew li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers. 
Fuq l-aġenda għad-diskussjoni hemm l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus. 
Għalkemm isem Malta mhux imniżżel fuq l-Aġenda, mhux eskluż li jitqajmu l-każi tat-tliet kumpaniji fil-Panama, tal-Ministru Konrad Mizzi, taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u t-tielet kumpanija li allegatament hija ta' Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.  
Kemm il-Prim Ministru kif ukoll martu Michelle, qed jiċħdu l-allegazzjonijiet.