KAŻ EGRANT: “Keith Schembri kien jixxaħħam” – Simon Busuttil; Għada jgħaddi l-provi lill-Maġistrat; Schembri jiċħad

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil stqarr li jista’ jikkonferma li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri xxaħħam u li għada lest li jgħaddi l-provi kollha lill-Maġistrat. Min-naħa tiegħu, Keith Schembri ċaħad l-allegazzjonijiet u qal li se jiftaħ libell. 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN, Dr Busuttil qal li jista’ jikkonferma li ċ-Chief of Staff għandu kont bankarju fil-Bank Pilatus.
“Dak li ilna nissuspettaw illum nistgħu nikkonfermawh”
Saħaq li jista’ jikkonferma dak li ilu jiġu suspettat, permezz tal-provi li għandu f’idejh. Spjega li l-provi waslulu wara l-appell li għamel fl-aħħar ġimgħat, li kull min għandu informazzjoni jgħaddihielu u jagħtih kull protezzjoni.
Dr Busuttil stqarr li jista’ jikkonferma wkoll li fil-kont ta’ Schembri fil-Bank Pilatus, daħlu flus ġejjin minn tixħim, mill-iskema ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza. Żied jgħid li dan ifisser li anke din l-iskema hi maqbuda fix-xibka ta’ korruzzjoni li hemm f’Kastilja. Spjega li din kienet skema li l-Prim Ministru Joseph Muscat imbotta ħafna u siefer kemm-il darba maċ-Chief of Staff tiegħu biex ibigħuha.
“Keith Schembri għandu jiġi arrestat illejla”
“Nistenna li Keith Schembri jiġi arrestat u interrogat immedjatament illejla stess, u jitressaq il-Qorti b’akkużi kriminali fosthom ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni,” żied jgħid Simon Busuttil. 
“Talba lill-Maġistrat għada filgħodu”
Simon Busuttil ħabbar li għada filgħodu se jagħmel talba lill-Maġistrat Aaron Bugeja, li bħalissa qed jinvestiga l-Każ Egrant – l-allegazzjonijiet li din il-kumpanija fil-Panama hi ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.
Saħaq li se jpoġġi ruħu għad-dispożizzjoni tiegħu, jidher quddiemu u jgħaddilu l-provi li għandu, “għax jistgħu jgħinuh fl-investigazzjoni”.
“Il-provi”
Il-Kap Nazzjonalista qal li l-provi li għandu f’idejh m’huma xejn għajr il-fatti.
Semma kif fil-Bank Pilatus, kien hemm kont bankarju f’isem il-kumpanija Willerby Trade Inc li hi rreġistrata fil-British Virgin Islands, li s-sid tagħha hu Brian Tonna, il-konsulent tal-Prim Ministru u li ismu nkixef is-sena l-oħra fil-Panama Papers.
Simon Busuttil qal li f’dan il-kont daħlu €166,831.90, minn tliet Russi li ħallsuh għas-servizz tiegħu wara li kienu applikaw u eventwalment ingħataw iċ-ċittadinanza Maltija. Żied jgħid li għandu isem dawn it-tliet Russi.
Dwar il-kont bankarju f’isem Keith Schembri fil-Bank Pilatus, Dr Busuttil stqarr li ftit wara li Brian Tonna rċieva l-flus mingħand ir-Russi, għamel żewġ pagamenti ta’ €50,000, jiġifieri €100,000. "Dawn għaddew lil Schembri mill-istess kont tal-kumpanija li rċeviet il-flus", kompla jgħid Busuttil.
Iddeskriva bħala ‘skuża banali’ dik li taw lill-Bank, Brian Tonna u Keith Schembri dwar dawn it-trasferimenti. Qal li ġie dikjarat li Tonna kien qed iħallas lura lil Schembri “għal suppost self li kien tah meta kien qed jissepara ftit ta’ snin ilu”.
“Post il-Prim Ministru mhux fil-politika”
Simon Busuttil saħaq li l-Prim Ministru għandu jerfa’ responsabbiltà għal dak li għamel Keith Schembri, u jirriżenja bla dewmien.
Żied jgħid li post Joseph Muscat mhux fil-politika. Sostna li għandu jiġi interrogat dwar possibilità li seta’ kien kompliċi fir-reati, jew billi għalaq għajnejh jew inkella għax seta’ gawda minnhom hu wkoll. Spjega li dan hu reat kriminali u li l-ħasil ta’ flus iwassal għal piena ta’ 18-il sena ħabs. 
“Kriminali jmexxu lil Malta”
Sejjaħ is-sitwazzjoni bħala perikoluża: “Hemm kriminali jmexxu l-pajjiż.”
Busuttil stqarr li jinsab diżgustat li ċ-Chief of Staff ikkorrompa ruħu, xxaħħam u ħa l-flus mill-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija b’dan il-mod.
Saħaq li jinsab iddiżgustat ukoll kif il-Prim Ministru baqa’ jiddefendih u minkejja li ġie mistoqsi kemm-il darba, irrifjuta li jwieġeb jekk Schembri għandux kont fil-Bank Pilatus.
Il-Kap tal-PN temm jgħid li “f’din is-sitwazzjoni wieħed jista’ jgħid too bad to be true u mhux too good to be true.
Keith Schembri jiċħad u jgħid li se jiftaħ libell
Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, fi stqarrija ċaħad kategorikament li rċieva commissions minn Brian Tonna jew xi ħaddieħor, għal dik ir-raġuni.
Keith Schembri saħaq li Simon Busuttil reġa’ għażel li jirrikorri għal gideb u attentat frame up, sforz il-kilba li għandu għall-poter.
Stqarr li jilqa’ b’mod pożittiv, li Simon Busuttil se jmur għand il-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta, biex anke f’dan il-każ toħroġ il-verità.
Schembri żied jgħid li bħalma hu jaffaċċja l-mistoqsijiet, Busuttil ikollu jaffaċċja konsegwenzi legali jekk il-Maġistrat jiddetermina li l-akkużi tiegħu jkunu foloz.
Reġa’ tenna d-dispożizzjoni tiegħu biex iwieġeb mistoqsijiet li l-Maġistrat iħoss li għandu jistaqsih.
Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru semma wkoll kif fl-2012, Brian Tonna għaddielu tranżazzjoni dwar self. Żied jgħid li dan seħħ qabel mal-Partit Laburista tela’ fil-Gvern u qabel ma nħolqot l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment.
Semma kif kellu self ieħor mal-Allied Newspapers u ma’ Media.link tal-PN, u staqsa jekk hux se jgħid li kien hemm tixħim meta tħallas dan id-dejn.
Keith Schembri stqarr li se jiftaħ libelli kontra Simon Busuttil u l-midja tiegħu. Temm jgħid li din hi l-unika għodda li għandu biex jipproteġi ismu. 
Il-PL jgħid li Busuttil ħareġ b'invenzjoni oħra
Il-Partit Laburista saħaq li la nqabad jigdeb fuq Egrant, Simon Busuttil issa ħareġ b’invenzjoni oħra.  
Fi stqarrija, il-PL qal ukoll li Busuttil għażel li jkompli jallega bl-addoċċ.
Jerġgħu jirribattu
Il-Partit Nazzjonalista wieġeb li l-uniku mod li ċ-Chief of Staff jista' jsalva ġildu, hi billi jkompli jigdeb, iżda l-giddieb għomru qasir.  Il-Partit Laburista jwieġeb: "Li kien għal Simon Busuttil u seħbitu, għomru kien qasir."