​Aġġornata (5): KAŻ EGRANT: Il-Europol tikkummenta

Id-Direttur tal-Europol Rob Wainwright qal li għalkemm hu improbabbli li l-organizzazzjoni tiegħu tinvestiga dak li qed jiġri Malta mingħajr talba mill-Gvern Malti, stqarr li teknikament dan jista’ tjiġri jekk stat membru ieħor jitlob investigazzjoni.
Wainwright kien qed iwieġeb il-mistoqsija tal-Ewroparlamentari Roberta Metsola dwar l-allegata korruzzjoni bejn politiċi f’Malta u fl-Ażerbajġan, waqt li l-Parlament Ewropew kien qed jiddiskuti l-ħidma tal-Europol.
Il-Ministru Scicluna ma jweġibx
Sadanittant, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna evita li jwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar jekk id-Dipartiment tat-Taxxi Interni ħax azzjoni kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, wara li dawn ma ddikjarawx it-trusts fi New Zealand u dawk relatati mal-kumpaniji fil-Panama.
Il-Prof. Scicluna stqarr li għandu kunfidenza sħiħa fl-istituzzjonijiet li jissorveljaw is-sistema bankarja u fiċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji Joe Bannister.
Dwar l-aħħar allegazzjonijiet li mart il-Prim Ministru hi sidt il-kumpanija Egrant, il-Ministru qal biss li kollox hu bbażat fuq allegazzjonijiet.
Stqarr li ma kienx konxju li l-FIAU għamlet rapport dwar il-Bank Pilatus.
Il-Qorti tiċħad it-talba tal-PM biex tisma' l-libelli b'urġenza
Dalgħodu l-Qorti ċaħdet it-talba biex il-libell tal-Prim Ministru fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia jinstema’ b’urġenza.
Fi stqarrija, il-Prim Ministru qal li nnota b’dispjaċir id-deċiżjoni tal-Qorti, iżda stqarr li jirrispetta d-deċiżjoni u li jikkopera f’kull stadju.
Żied jgħid li ħadd daqsu u l-familja tiegħu ma jixtiequ li toħroġ il-verità, sabiex jieqfu l-gideb u l-kalunnji bla bażi li qal li qed jinkitbu mingħajr skrupli.
Il-Prim Ministru reġa’ tenna li d-demokrazija u s-saltna tal-liġi għandha tkun osservata minn kulħadd u tgħodd għal kulħadd l-istess.
"M'hemmx raġuni li dawn il-każi jaqbżu oħrajn" – Il-Maġistrat
Dwar din id-deċiżjoni, il-Maġistrat Francesco Depasquale qal li l-Qorti hi impenjata ħafna u li m'hemm l-ebda raġuni li każi bħal dawn jingħataw preċedenza fuq każi oħra pendenti.
Keith Schembri jiċħad li ħa commissions
Iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri, ċaħad li ħa commissions mill-bejgħ taċ-ċittadinanza lill-familja Russa u li ġew trasferiti fil-kont tiegħu fil-Bank Pilatus.
Fuq Facebook, Keith Schembri qal li se jiftaħ aktar libelli lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li qed tallega li Schembri ħa ammont sinifikanti mill-commisions, trasferiti fil-kont tiegħu minn Brian Tonna ta’ Nexia BT.
F’artiklu tard ilbieraħ filgħaxija, Caruana Galizia ppubblikat imejl li bagħtet lil Tonna, li fiha talbitu l-kummenti tiegħu dwar l-allegat trasferiment ta’ flus bejn il-kont tiegħu u dak li ċ-Chief of Staff għandu f’ismu personali, fost l-oħrajn fil-Bank Pilatus. Sal-pubblikazzjoni tal-artiklu, Caruana Galizia qalet li Tonna ma weġibx. Min-naħa tiegħu Keith Schembri la kkonferma u lanqas ċaħad li għandu kont fil-Bank Pilatus. 
Caruana Galizia kitbet ukoll li l-kumpanija Willerby Trade Inc ta’ Brian Tonna ħadet 50% tal-miżati marbuta ma’ dan il-bejgħ.  Saħqet li temmen li kemm Tonna kif ukoll Schembri konxji li dan hu att kriminali.
Keith Schembri qal li ilu aktar minn sena suġġett ta’ kampanja ta’ gideb, u stqarr li mhux se jibqa’ jinvolvi iktar ruħu fiha.
Irrimarka li jekk jeżisti r-rapport li qed jingħad li sar dwaru mill-Financial Analysis Intelligence Unit (FIAU), għandu jiġi ppreżentat mill-awtoritajiet ikkonċernati, lill-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta fil-każ Egrant, il-kumpanija li allegatament hi ta' Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, Kemm Joseph Muscat kif ukoll martu qed jiċħdu l-allegazzjonijiet.