Każ Egrant: “Irrid li toħroġ il-verità kollha” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jrid li l-verità toħroġ kollha dwar l-allegazzjoni li l-kumpanija Egrant li ssemmiet fl-iskandlu tal-Panama Papers hija ta’ martu Michelle Muscat.
Muscat kien qed jitkellem waqt attività politika fl-Imġarr fejn qal li din “il-gidba mhux se torqod hawn”. Żied jgħid li min jaħseb li għax mexa ‘l quddiem b’serenità se jinsa dak li ġara, huwa żbaljat.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-whistleblower Russa tal-Bank Pilatus, Maria Efimova, li qal li tkellmet mal-Membri tal-Parlament Ewropew (MPEs). Qal li ssemma kif din il-persuna, uriet xi karti lill-istess MPEs. Muscat saħaq li ma jistax ikun hemm karta ġenwina għax din hija “invenzjoni”. Żied jgħid li jekk teżisti xi karta, qed iħeġġeġ biex din tingħata lill-Maġistrat li qed imexxi l-investigazzjoni.
Waqt id-diskors tiegħu Muscat ikkwota aħbar tal-gazzetta Illum, li qalet li skont waħda mill-MPEs, il-whisteblower ma tathom l-ebda karta. Muscat fakkar kif kien wiegħed li jekk tinstab evidenza li dak li qed jiġi allegat huwa minnu, jirriżenja minnufih. Dwar l-Oppożizzjoni qal li l-isfida biex ikun hemm riżenja jekk jinstab li l-allegazzjonijiet kienu foloz, baqgħet ma ntlaqgħetx.
Waqt l-intervista tiegħu mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li xxandret din il-ġimgħa fuq sit tal-aħbarijiet Ġermaniż, il-ġurnalist Tim Sebastian qal li mhux aġir ta’ Prim Ministru li jrid jiskopri l-verità, jekk ried jagħlaq l-inkjesta (permezz ta’ appelli) b’rabta mal-Panama Papers.
Tmiem il-Forza Nazzjonali
Dwar l-istqarrija li nħarġet mill-PN li ġiet fi tmiemha l-koalizzjoni mal-Partit Demokratiku, Muscat qal li bħalissa wieħed forsi jidħak. Madanakollu, żied jgħid li kieku l-poplu Malti kien għażel il-Forza Nazzjonali fl-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju li għadda, il-pajjiż bħalissa jkun qed jibki. Qal li dan kollu juri biċ-ċar in-nuqqas ta’ ideat minn naħa tal-Oppożizzjoni, li fi kliemu għamlet erba’ snin negattiva.
Vot dwar Malta fil-PE
Dwar il-vot li ttieħed riċentament fil-Parlament Ewropew dwar jekk Malta kelliex tissejjaħ tax haven, Muscat irringrazzja lill-MPEs Laburisti li fi kliemu kienu kruċjali fil-vot.
Dwar vot ieħor b’rabta mas-sistema tat-taxxa f’Malta, Muscat stieden lill-PN biex jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu u biex jgħid jekk il-MPEs tal-PN telqux għal rashom fil-vot.
Air Malta
Muscat tkellem ukoll dwar l-Air Malta. Spjega kif din il-ġimgħa ntlaqgħu aktar ftehimiet. Qal li sar ftehim mal-ħaddiema kollha tal-kumpanija tal-ajru ħlief mal-piloti. Muscat saħaq li hemm responsabbiltà kbira fuq ir-rappreżentanti tal-piloti.
Fakkar li jixtieq jara sitwazzjoni fejn l-Air Malta ssir il-linja tal-ajru mhux biss ta’ Malta iżda tal-Mediterran. Appella lill-piloti u lill-unjin tagħhom biex jindunaw li dan huwa mument kruċjali u li l-Gvern qed jistenna flessibiltà min-naħa tagħhom.
Enerġija
Muscat spjega li fil-jiem li għaddew seħħet splużjoni f’impjant tal-gass fl-Awstrija. Qal li kawża ta’ dan, l-Italja ddikjarat stat ta’ emerġenza. Qal li permezz tal-istrateġija tal-Gvern li jmexxi, f’Malta ma kienx hawn kriżi tal-enerġija. Qal li kieku ma nbeniex il-power station il-ġdid, il-prezzijiet tad-dawl kien ikollhom jiżdiedu peress li l-Italja kien ikollha żżid il-prezz tad-dawl tal-interconnector.
Muscat irid li l-aġenda tal-PN issir minn ħaddieħor – PN
F’reazzjoni għad-diskors ta’ Muscat, il-PN qal li huwa ċar li Muscat irid li l-aġenda tal-PN issir minn ħaddieħor. Il-PN sostna li dan mhux se jkun il-każ għax il-Kap tal-partit Adrian Delia saħaq lil-aġenda tal-Partit Nazzjonalista se jibda jagħmilha l-istess Partit Nazzjonalista.”
Skont il-PN li kieku ma kinitx għall-ħidma tal-Ewroparlamentari tagħha, din il-ġimgħa Malta kienet tingħata tikketta ta' 'tax haven'. Il-PN żied jgħid li dalgħodu Muscat naqas milli jsemmi l-impatt li dan il-vot seta' kellu fuq l-ekonomija kieku għaddiet il-mozzjoni tas-Soċjalisti.