Aġġornata (1): KAŻ EGRANT: Il-mexxejja dwar provi, konsegwenzi u ward

Kif kien mistenni, il-każ tal-kumpanija Egrant, li qed jiġi allegat li hi ta’ mart il-Prim Ministru, ilbieraħ kien fil-qalba tad-diskors tal-mexxejja politiċi.
Waqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-akbar prova hi l-mod kif ġab ruħu Joseph Muscat fl-aħħar erba’ snin, il-Kap tal-Partit Laburista insista mhux biss li m’hemmx provi, iżda li l-każ Egrant se jsaħħaħ il-Partit Laburista.
“Muscat l-akbar prova” – Simon Busuttil
Fid-diskors tiegħu fil-Belt Valletta, Dr Busuttil saħaq li l-provi li jrid il-Prim Ministru qegħdin fl-aġir tiegħu stess, mhux biss ta’ dawn l-aħħar jiem jew l-aħħar sena, imma minn meta ħa l-ġurament tal-ħatra ta’ Prim Ministru.
Il-Kap tal-PN elenka 12-il fatt li skontu huma prova tal-korruzzjoni b’rabta mal-kumpanija Egrant u s-sidien tagħha.  Fost dawn semma, “erbgħa min-nies isiefru waħedhom fl-Ażerbajġan; l-isem tas-sid tat-tielet kumpanija fil-Panama ma ngħatax b’imejl imma bi Skype; ma tibdiex investigazzjoni qabel ma’ sid il-Bank Pilatus ħareġ id-dokumenti relatati mill-Bank; tinħatar inkjesta wara li tħassru l-provi; u minflok investigaazzjoni, il-Kummissarju tal-Pulizija mar imexmex il-fenek.
“Se nissaħħu” – Joseph Muscat
Aktar kmieni fid-diskors tal-għeluq tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, il-Mexxej Laburista saħaq li minn dik li sejjaħ “storja ta’ gideb u xewk, se toħroġ warda li se tagħmilna aktar b’saħħitna minn qabel.”
Joseph Muscat sostna li l-ġilda tiegħu xierfa biżżejjed biex taqla’ dan l-attakk u tibqa’ soda.  Żied jgħid li se jkompli jgħid il-verità u li m’għandu xejn x’jaħbi. Tenna li se jissaħħaħ “għax is-sewwa jirbaħ żgur”.
Irrefera għal dak li qal Simon Busuttil bħala “gidba oxxena” u li waqt id-dibattitu ta’ nhar il-Ġimgħa, “Busuttil qered il-kredibilità li kien fadallu”.
Jaqblu fuq il-ward
Iż-żewġ mexxejja qablu fuq ħaġa waħda biss: fuq il-ward.
Il-Mexxej Laburista stqarr li minn dik li sejjaħ “storja ta’ gideb u xewk, se toħroġ warda li se tagħmilna aktar b’saħħitna minn qabel.” Saħaq li s-saħħa tal-PL tinsab fil-kalma u s-serenità u li qatt ma ħassu daqstant kburi bħala mexxej tal-Moviment.
Min-naħa tiegħu, Simon Busuttil qal li mix-xewk ta’ din l-emerġenza nazzjonali qed tfeġġ warda sabiħa tal-forza tal-poplu, bit-twelid ta’ Forza Nazzjonali li għandu fiduċja “li se tagħti lura lill-poplu pajjiż li jixraqlu”.
Minbarra l-mexxejja tal-partiti rispettivi, indirizzaw ukoll lill-partitarji għadd ta’ politiċi miż-żewġ naħat.
“Għatxana għall-poter”
Waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-PL, il-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef qal li fl-aħħar ġranet il-PN qed jgħid ‘gidba faħxija’  Fakkar fis-suċċessi tal-Gvern speċjalment dawk ekonomiċi kif ukoll il-miżuri soċjali li ħa fl-aħħar ġimgħat.
Min-naħa tagħha, l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli qalet li min hu għatxan għall-poter u jrid jiksbu akkost ta’ kollox, ma jistax jifhem lil dawk li huma fil-bżonn.
“L-aqwa fil-korruzzjoni fl-Ewropa”
Sadanittant il- Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco saħaq li Joseph Muscat m’għandu l-ebda dritt jilgħab bir-reputazzjoni ta’ Malta biex jipprova jsalva r-reputazzjoni politika u personali.
L-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono qal li Joseph Muscat ġabna l-aqwa fl-Ewropa fil-korruzzjoni.  Huwa staqsa diversi mistoqsijiet lill-Prim Ministru dwar il-każ Egrant u dak kollu li ħareġ fl-aħħar jiem.
Ġest ta' rikonċiljazzjoni? 
Kienu bosta dawk li ħadu gost li waqt id-dibattitu ta’ Xarabank osservaw ġest ta’ rikonċiljazzjoni, hekk kif Joseph Muscat u Simon Busuttil ħadu b’idejn xulxin u anke wegħdu lil xulxin li ma jattakkawx lil xulxin personalment u lill-qraba tagħhom.
Minkejja li feġġet it-tama li l-affarijiet jistgħu jitjiebu, filmat li xxandar fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista, allegatament juri li malli ħareġ mill-istudio, il-Prim Ministru qal kliem ħażin fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni. 
"Żviluppi li jtebbgħu r-reputazzjoni ta' Malta"
Fost dawk li rreaġixxew dwar l-aħħar żviluppi hemm l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA), li mingħajr tlaqliq saħqet li l-aħħar żviluppi qed itebbgħu r-reputazzjoni ta’ Malta li kienet meqjusa bħala ċentru Ewropew għas–servizzi finanzjarji.  L-MEA kkundannat dan l-aġir hekk kif hemm riskju li jfalli s-settur finanzjarju, li jipprovdi aktar minn 12,000 impjieg.
L-MEA akkużat ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija għall-inkompetenza tiegħu, għax għażel li jħares band'oħra meta kien hemm evidenza ċara ta' attività suspettuża.