Każ Egrant: Il-Maġistrat jitlob lill-Ġermanja l-informazzjoni dwar il-Panama Papers

Il-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li l-kumpanija Egrant fil-Panama hi ta’ mart il-Prim Ministru, se jitlob lill-awtoritajiet Ġermaniżi biex jgħaddulu d-dokumenti li għandhom dwar il-Panama Papers b’rabtiet ma’ Malta.
Il-Maġistrat, illum laqa’ t-talba tal-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’rikors li ppreżenta nhar it-Tlieta.
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, illum deputat Nazzjonalista, qal li l-istess rikors għamlu lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, li għaddejja b’inkjesta dwar allegat ħasil ta’ flus minn Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru dwar bejgħ ta’ passaporti, kif ukoll il-Maġistrat Josette Demicoli li għaddejja b’inkjesta dwar allegat ħasil ta’ flus minn Keith Schembri u Adrian Hillman, li kien direttur maniġerjali tat-Times. 
Simon Busuttil spjega li dawn it-talbiet għamilhom biex jassigura li l-informazzjoni f’idejn l-awtoritajiet Ġermaniżi tgħaddi b’mod sħiħ f’idejn il-Maġistrati inkwirenti bla ma tintmiss jew titbagħbas b’xi mod. 
Il-Kap tal-Partit Demokratiku Anthony Buttigieg kien għamel l-istess talba lill-Qorti.
“Busuttil għandu problema ċara ta’ paranoja” – PL
F’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li Simon Busuttil għandu problema ċara ta’ paranoja meta hu ovvju li kull informazzjoni li tista’ tingħadda minn awtoritajiet barranin, tiġi mgħoddija lill-Maġistrati relevanti. 
Il-PL qal li “Busuttil għandu jieħu din l-okkażjoni biex jipprova jwieġeb dak li ilu jaħrab minnu, jiġifieri li jirriżenja minn kull kariga li għandu jekk jinstab li l-akkużi li għamel u li ilu jirkeb fuqhom, ikunu foloz.