Każ Egrant: Carmelo Abela sieket dwar il-fenkata tal-Kummissarju

Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela ma kkummentax dwar id-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija Laurence Cutajar li jmur għal fenkata, waqt li kienu għaddejjin allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat u martu Michelle.
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Ministru Abela ma weġibx lanqas dwar jekk japprovax li l-Kummissarju kien qed jiekol il-fenek fl-Imġarr, minflok issiġilla l-Bank Pilatus, hekk kif filmati li xxandru juru liċ-Ċermen tal-Bank u impjegata tiegħu, ħerġin mill-Bank bil-lejl.
Iċ-ċermen kien qed iġorr żewġ bagalji, li qed jiġi allegat li kien fihom id-dokumenti relatati mal-kumpanija Egrant fil-Panama, li allegatament hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. Kemm il-Prim Ministru kif ukoll martu ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.
Kien wara li ħarġu l-filmati li allegaw “tneħħija tal-provi”, li l-Prim Ministru ordna inkjesta dwar il-każ.
Il-Ministru Abela, li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar strateġija għall-Forzi Armati ta’ Malta, kellu kliem ta’ tifħir għax-xogħol tal-Kummissarju tal-Pulizija u stqarr li l-Oppożizzjoni qed tipprova timminah.
Ritratt: DOI – Meta l-Ministru Abela ppreżenta l-ittra tal-ħatra lil Laurence Cutajar bħala Kummissarju tal-Pulizija