​Każ Droga Għawdex: “Il-PM qed jipprova jgħatti xtur il-Ministri” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li ma għandux dubju li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jipprova jgħatti  xtur iż-żewġ ministri tiegħu, li fl-2013 kellhom laqgħa sigrieta matul il-lejl fil-Ministeru ta’ Għawdex.
Dan wara li ġie żvelat li stqarrija li ntgħatat lill-Pulizija waqt investigazzjoni fuq droga fis-sajf tal-2013 inbidlet wara laqgħa li kienet tinvolvi żewġ ministri u membri tal-familja tas-suspettat.
Waqt il-programm Mhux Għax Jimpurtani, Dr Busuttil qal li  huwa ċert li l-konklużjonijiet se jkunu favur il-Gvern, aktar u aktar minħabba li l-Gvern appunta eks kandidat tal-Partit Laburista biex jinvestiga l-allegazzjonijiet.
Żied jgħid li dan minflok appunta bord indipendenti mmexxi minn tliet imħallfin.
Mistoqsi jekk jafx min huma l-Ministri involuti, Dr Busuttil qal li ma tridx tkun għaref biex tasal għall-konklużjoni. 
Staqsa min għandu aċċess għall-Ministeru ta’ Għawdex u min jkun eskortat mill-Pulizija.
Żied jgħid li l-Prim Ministru u l-Ministru responsabbli għall-Pulizija, dak iż-żmien Manuel Mallia, għandhom is-servizz li jiġu eskortati.
Min-naħa tagħhom kemm il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo kif ukoll il-Ministru Manwel Mallia ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.
Il-konklużjoni tal-inkjesta mistennija tkun pubblika għada.  
"Il-Gvern qed jilgħab mad-demokrazija fl-iskandlu tal-voti doppji" 
Simon Busuttil qal li l-iskandlu tal-voti doppji jinkwieta lin-nies għaliex issa wasalna f’sitwazzjoni fejn il-Gvern, bl-aktar mod sfaċċat, qed ibagħbas mad-demokrazija. 
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil qal li n-nies iridu jserrħu rashom li l-affarijiet jibqgħu normali u li l-Gvern ma jilgħabx mal-proċess elettorali. 
"Il-Gvern qata' bin-nofs l-investiment"
Simon Busuttil qal li l-Gvern qata' bin-nofs l-investiment u b'hekk sar is-surplus.
Minkejja dan, Dr Busuttil qal li Joseph Muscat tripla l-baġir għas-safar tiegħu. 
Saħaq li l-Gvern għandu jaqta’ il-ħela bħall-positions of trust, u mhux il-proġetti.  
“Kap tal-Oppożiżżjoni li jaħseb li hu judge and jury”
 Il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu l-arroganza li jkun hu judge and jury fuq kull każ.
Qal li kull inkjesta li jkun hemm fuq każijiet li jinvolvu membri tal-Gvern jipprova jiskreditaha sakemm l-inkjesta ma tkunx tgħid dak li jdoqq għal widnejh.
Żied jgħid li Simon Busuttil falla test wara l-ieħor u kull darba li l-inkjesti jew rapporti ta’ istituzzjonijiet  ikunu fuq nies tal-klikka tiegħu bħal Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi jew Chris Said jew jattakka l-istituzzjoni jew jinjorahom.
Temm jgħid li l-kredibiltà ta' Busuttil sfaxxat fix-xejn meta waqt li kien qed jippriedka l-onestà, minn wara dahar kulħadd kien qed idendel idejh f'donazzjonijiet illegali minn negozju ewlieni f’Malta.