Każ ċertifikati: Stephen Spiteri jgħid li wieġeb lill-Kunsill Mediku

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u l-Kelliem għas-Saħħa tal-PN Stephen Spiteri qal li kkjarifika l-pożizzjoni tiegħu mal-Kunsill Mediku dwar allegazzjonijiet li kien qed jagħti ċertifikati tas-saħħa lil pazjenti li ma jkunx ra.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK, it-tabib Spiteri ġie mistoqsi dwar rapport li ħareġ fuq is-sit LovinMalta dwar kif kien qed joħroġ ċertifikati mediċi lil pazjenti mingħajr ma jarahom, xi wħud li saħansitra ma jkunx jaf min huma.
Spiteri qal li rrisponda lill-Kunsill Mediku peress li huwa obbligat li jagħmel dan u sostna li kkjarifika l-pożizzjoni tiegħu mal-istess kunsill. Huwa ċaħad l-allegazzjonijiet kollha li saru
Spiteri ġie mistoqsi wkoll dwar rekording ta’ telefonata li saret lil spiżerija fejn kien jaħdem. Fir-rekording, l-impjegata tal-ispiżerija tinstema’ tgħid li sabiex wieħed jakkwista ċertifikat mingħand it-tabib Spiteri, kulma jrid jagħmel huwa li jibgħat id-dettalji ma’ persuna oħra flimkien mal-ħlas ta’ €5.
Dwar dan, it-tabib Spiteri saħaq li huwa fl-ebda mument ma tkellem waqt it-telefonata u li l-persuna li wieġbet kienet receptionist, mhux tabib jew spiżjara.
Spiteri temm jgħid li huwa responsabbli għal dak li jagħmel bħala mediku liċenzjat u li jerfa’ ir-responsabbilità għal kull ċertifikat li qatt ħareġ.
Nhar il-Ħamis li għadda, il-Kunsill Mediku ċaħad li kkonferma li qed issir investigazzjoni fuq it-tabib Stephen Spiteri lill-gazzetta Times of Malta. Però fl-ebda ħin ma ċaħad li qed issir investigazzjoni fuq id-deputat Nazzjonalista.
Madanakollu, mistoqsijiet li ntbagħtu lill-istess Kunsill għadhom ma ġewx imwieġba.