Kaya Gouder Curmi llejla fl-Ariston fl-Italja

Johan Mifsud

L-10 edizzjoni tal-festival Sanremo Junior se jittella’ llejla fit-teatru Ariston fl-Italja u li fih se jkunu qed jikkompetu 22 pajjiż, fosthom Malta. Se tkun Kaya Gouder Curmi ta’ 8 snin li se tirrappreżenta lil Malta. Hi rebħet dan id-dritt wara li fit-30 ta’ Marzu rebħet il-kompetizzjoni Sanremo Junior Malta, organizzata minn Antonella Vassallo.

Sanremo Junior hu miftuħ għal kantanti ta’ bejn is-6 u l-15-il sena  u l-kompetizzjoni tal-lejla se tiftaħha proprju Kaya Gouder Curmi, li hija l-iżgħar parteċipanta f’din l-edizzjoni. Dawk li se jikkompetu se jkunu qed ikantaw live, akkumpanjati mis-sanremoJunior Orchestra, taħt it-tmexxija tas-Surmast Enzo Campagnoli.

Johan Mifsud

Minbarra Kaya għal Malta, se jkunu qed jipparteċipaw rappreżentanti mill-Arġentina, l-Armenja, l-Awstralja, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Kazakhstan, il-Maċedonja, il-Moldova, il-Monaco, ir-Repubblika tal-Panama, ir-Rumanija, ir-Russja, is-Serbja, is-Slovakkja, l-Afrika t’isfel, Spanja, it-Tanżanija, l-Ukrajina, l-Istati Uniti u ovvjament l-Italja.

Illejla Kaya, li għadha kif lestiet l-aħħar provi tagħha llum wara nofsinhar, se tkun qed tikkompeti bil-kanzunetta Bring him Home, mill-musical Les Miserables. Din kienet ukoll is-silta li biha pparteċipat fil-kompetizzjoni hawn Malta.

Facebook

Il-finali ta’ Sanremo Junior tibda fid-9pm iżda r-riżultat mhux se jitħabbar qabel nhar is-Sibt 4 ta’ Mejju. Kuljum sa dakinhar, il-parteċipanti se jkunu qed jieħdu sehem f’diversi avvenimenti, fosthom anki parati.

Is-Sibt, imbagħad, waqt is-serata tal-għeluq jitħabbru r-riżultati tal-finali tal-lejla, u r-rebbieħa jerġgħu jiġu mistiedna jkantaw fuq il-palk.

Sanremo Junior jittella’ taħt il-patroċinju tal-Comune di Sanremo kif ukoll tal-UNICEF Italia.

Awguri Kaya!