Kaxxiera żżomm 29ċ ta’ kull xirja; €1,000 misruqa

Raġel u kaxxiera kompliċi tressqu l-Qorti għax kienu jimlew trolley sa ruħ ommu u jħallsu 29ċ biss għalih f’supermarket f’Ħal Għaxaq.

Iż-żewġ Taljani allegatament użaw din it-tattika diversi drabi u serqu aktar minn €1,000 mill-ħanut.

Il-filmati tas-sigurtà eventwalment wasslu lis-sidien tal-ħanut għall-klijent li dejjem kien jinqeda għand l-istess kaxxiera. Hi mbagħad kienet iżżommlu 29ċ biss ta’ li jixtri, xi drabi b’xirja li tammonta sa €300.

Ir-raġel ta’ 39 sena li joqgħod f’San Pawl il-Baħar u l-mara ta’ 36 li toqgħod Wied il-Għajn tressqu l-Qorti llum fuq akkużi ta’ frodi.

L-akkużat ġie mixli li għen jew ħeġġeġ lill-kompliċi fit-twettiq ta’ dan il-pjan, filwaqt li l-akkużata kienet mixlija separatament b’użu ħażin ta’ flus.

Il-mara qalet li hi ħatja, filwaqt li l-koakkużat xehed mhux ħati.

L-avukat tal-mara qal li l-klijenta tiegħu kienet lesta li tagħti lura n-nofs tagħha tal-flus misruqa, €1,153.

Ma’ dal-kliem, missier l-akkużata immedjatament qam u ta €576.50 fi flus kontanti lill-avukat, li għaddiehom lill-Prosekuzzjoni. Il-flus tqiegħdu f’envelopp magħluq biex jingħataw lura lil sidhom.

Għax ikkoperat mal-Pulizija, kellha kondotta nadifa, u kienet lesta tħallas in-nofs tagħha, il-Maġistrat Charmaine Galea ddikjarat lill-akkużata ħatja, iżda ħelsitha għal sentejn b’xi kundizzjonijiet.

Fil-każ tal-akkużat, l-avukat tad-difiża argumenta li mart l-akkużat waslet biex tixtri, u r-raġel għandu kondotta nadifa.

Għalhekk il-Qorti tatu ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €2,000, kif ukoll bil-kundizzjoni li jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.