“Kaxxi tas-sulfarini tal-konkrit li lanqas huma tajbin bħala gallinari”

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li l-art hi prezzjuża u li meta jsir l-ippjanar għandha tingħata prijorità  lit-titjib tal-kwalità tal-ħajja. Spjega li l-kwalità tal-ħajja żgur mhux se ssibha “fil-kaxxi tas-sulfarini tal-konkrit, li lanqas huma tajbin bħala gallinari għat-tiġieġ jew biex fihom jiġu mgħammra l-fniek, aħseb u ara biex fihom jgħixu l-bnedmin”.

Dan kien il-qofol tal-messaġġ ta’ Mons. Charles Scicluna waqt webinar organizzat minn Newsbook dwar l-ambjent u l-ippjanar.

Filwaqt li stieden lill-poplu biex jivvalorizza iktar id-don tal-art, l-Arċisqof ippropona t-twaqqif ta’ awtorità li tagħti rakkomandazzjonijiet dwar kif wieħed għandu jieħu ħsieb l-inħawi ta’ madwar il-binja.

Ispirat mill-Eżortazzjoni Appostolika Laudato Sì tal-Papa Franġisku, Mons. Scicluna rrefera għar-reklamazzjoni tal-art u fi kliemu “li nimlew il-baħar bit-terrapien se twassal biex nibdlu x-xbiha tal-gżira li ilha titkattar għal sekli sħaħ”. Staqsa jekk hux ta’ min inħassru x-xbieha tal-ħobża u sardina biex niggwadanjaw xi ftit kilometri ta’ art.  Mons. Scicluna insista li hemm bżonn ir-rażan għax “donnu l-iskarsezza tal-art li għandna ma tagħtiniex ċans nieqfu”.

L-Arċisqof saħaq li għandna nieħdu ħsieb il-patrimonju ta’ ambjent mibni li ħallew missirijietna. Żied jgħid li wieħed għandu jaħseb b’għaqal qabel jiddeċiedi li jwaqqa’ razzett u jagħmlu farmhouse bis-swimming pool. Semma l-ammont kbir ta’ bini battal fl-ibliet u l-irħula u jistaqsi jekk hux aħjar li ssir riabilitazzjoni ta’ dawn il-binjiet.

Għandna niżviluppaw iktar art jew nirriabilitaw il-bini battal?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna imejl fuq info@newsbook.com.mt