Kaxxi kbar bid-dokumenti jinħarġu mill-bini ta’ Cambridge Analytica

Kaxxi kbar bid-dokumenti dehru ħerġin mill-bini ta' Cambridge Analytica f’Londra, aktar kmieni llum.
Ġurnalist mill-Huffington Post li jinsab Londra jsegwi mill-qrib l-istorja ta’ Cambridge Analytica li qed tkun akkużata bil-bejgħ ta’ informazzjoni ta’ 50 miljun profil fuq Facebook ġibed ritratti ta’ uffiċjali mill-kumpanija jġorru kaxxi b’dokumenti ‘l barra mill-uffiċini tagħhom.
Qal li l-midja ma setgħetx tikkonferma minn liema uffiċċju kienu ħirġin id-dokumenti għax Cambridge Analytica topera minn bini komuni għal aktar kumpaniji.
Mistoqsijiet lill-persuna nkarigata mit-trasferiment tal-files baqgħu mhux imwieġba.
Il-Parlament Ingliż jistieden lil Zuckerberg jixhed
Intant, illum, il-Parlament Ingliż talab lill-Mark Zuckerberg biex bħala uffiċjal fl-Eżekuttiv ta’ Facebook jixhed quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Diġitali, Midja, Kultura u Sport.
Fl-ittra, il-House of Commons jappellawlu biex jiltaqgħu miegħu biex jistħarġu dwar kif il-kumpaniji jakkwistaw id-data mis-sit u kif jistgħu jużaw l-istess data. 
Qalu li wara żmien jitkellmu ma’ uffiċjali differenti fil-kumpanija, issa wasal iż-żmien li jmorru dirett għand l-eżekuttiv ta’ Facebook biex jagħti rendikont dettaljat ta’ kif tintuża l-informazzjoni reġistrata fuq il-profili.

Il-Kummissarju għall-Informazzjoni fl-Ingilterra għadha qed tistenna li ġġib mandat biex tinvestiga d-databases u s-servers tal-kumpanija Ingliża Cambridge Analytica.
Anke l-Parlament Ewropew jagħmel l-istess talba
Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani qal li “jekk inhu veru, il-manipulazzjoni tad-data personali tagħna mhix aċċettabbli u hi theddida għad-demokrazija”.
Qal li qed jistenna li rappreżentanti ta’ Facebook jixhdu dwar it-trasparenza u r-rispett tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-kumitat tal-ġustizzja u l-affarijiet interni tal-Parlament Ewropew.