“Kaxkru lil ibni bħal kelb mal-klassi; kien se jwettaq suwiċidju”

Omm li ċemplet lil Crisis Resolution Malta sostniet li binha kien se jwettaq suwiċidju għax kien vittma ta’ bullying fl-iskola.

Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt Dr Mark Xuereb, psikjatra, konsulent tal-kriżijiet u dak li jmexxi Crisis Resolution Malta.

Dr Xuereb spjega li din l-omm minn Hixon fl-Ingilterra ċemplet għall-għajnuna wara li ndunat li binha kien qed iqatta’ ħafna ħin onlajn, beda jinbidel fl-apparenza u l-marki tiegħu bdew niżlin minkejja li minn dejjem kien tifel promettenti.

Spjegat kif aktar tard sabet nota ta’ suwiċidju li kiteb binha fejn spjega li kien se jagħmel dan għax sħabu tal-klassi kienu jorbtulu l-ingravata ma’ għonqu bħal kelb u jkaxkruh mal-klassi.

Minn hawn, Crisis Resolution Malta spjegat dak kollu li għandha tagħmel l-omm sabiex tgħin lil binha u rnexxielhom iwaqqfuh milli jieħu ħajtu b’idejh.

Kif tinduna li persuna qiegħda f’riskju li tagħmel suwiċidju?

L-Għaqda Psikoloġika Amerikana (APA) s-sena l-oħra ħarġet b’erba’ fatturi li juru lill-persuni qrib iż-żgħażagħ li wieħed qiegħed f’riskju li jweġġa’ lilu nnifsu jew li jikkommetti suwiċidju. Dawn il-fatturi huma:

  1. Il-burdata tinbidel.
  2. Il-persuna tqatta’ ħafna aktar ħin onlajn: ir-riċerka turi li persuna żagħżugħa ma għandhiex għalfejn tagħmel iktar minn sagħtejn fuq il-midja soċjali bla waqfien.
  3. Tibdil drastiku fl-apparenza: l-apparenza tal-persuna tinbidel. Wieħed jibda jieħu inqas ħsieb tiegħu nnifsu.
  4. Akkademikament wieħed jibda jmur lura bil-mod il-mod.

X’għandek tkun taf dwar Crisis Resolution Malta?

Dr Xuereb imexxi l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum. Qal li t-tim għandu linja tat-telefon (99339966) kif ukoll imejl (crisismalta@gmail.com). Spjega li dawn kollha huma għodda biex titqajjem aktar kuxjenza u titneħħa l-istigma.

It-tim għandu wkoll paġna fuq Facebook li tista’ ssibha hawn.

Dr Xuereb qal li t-telefonati jitwieġbu mill-ewwel u li s-servizz ta’ konsultazzjoni huwa b’xejn. Qal li t-tim ta’ voluntiera li jwieġbu t-telefown huma kollha professjonisti.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.