Kaxkritni minn xagħri, tefgħetni mal-art u bdiet tagħtini – kap tal-iskola

Il-Kap tal-Iskola li ġiet aggredita minn nanna ta’ student żvelat mal-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) x’ġara eżatt dakinhar li seħħ il-każ.
L-MUT qalet fi stqarrija li ftit wara l-10:00am, il-Kap tal-Iskola Primarja tal-Birgu Lorna Schembri kienet bilqiegħda titkellem fuq it-telefon fl-uffiċċju tagħha meta rat persuna tistenna barra mill-uffiċċju. Hi tallbet lill-Assistent Kap biex tara x’riedet.
Skont l-MUT il-mara bdiet tgħid li ħadd ma kellu jgħajjat man-neputi tagħha. Il-Unjin żiedet tgħid li mingħajr ma tat ċans lil Schembri tipprova twieġeb, il-persuna qabdet lil kap minn xagħarha u kaxritha għal mal-art. Dak il-ħin il-mara bdiet ittiha ħafna daqqiet bil-ponn u bis-sieq.
Il-unjin spjegat li membri mill-amministrazzjoni tal-iskola flimkien ma’ handyman intervjenew sabiex iwaqqfu lill-aggresur, li wara ġiet skortata barra mill-bini.
L-MUT qalet li ntalbet l-assistenza tal-pulizija filwaqt li ssejħet ambulanza. L-MUT stqarret li l-kap ħarġet mill-isptar dakinhar filgħaxija wara sensiela ta’ testijiet u wara li ngħatat il-kura medika. Il-unjin qalet ukoll li Schembri sostniet li hi ma tafx lill-aggressur, filwaqt li kemm hi u kemm l-edukaturi dejjem ħadu ħsieb lill-istudent konċernat. Intqal li l-kap ma tistax tifhem x’wassal għal din l-aggressjoni. 
Il-Unjin tenniet l-appell tagħha lill-awtoritajiet sabiex ma jibqgħux jieħdu kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurta’ fl-iskejjel b’mod leġġer u biex ma jħallux dawn il-każijiet, li sfortunatament qed isiru aktar komuni, li jseħħu aktar fl-iskejjel tagħna.
L-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) faħħret il-mod ta’ kif ġie konkluż f’perjodu qasir ta’ żmien il-każ.