“Kattru l-paċi” – Il-Papa fil-Mozambique

Pope Francis meets Mozambique's President Filipe Nyusi at the Palacio da Ponta Vermelha in Maputo, Mozambique, September 5, 2019. Vatican Media/­Handout via REUTERS

Read in English.

Il-Papa Franġisku saħaq mal-Mozambiquejani biex ikomplu jaħdmu favur il-paċi u jimpenjaw ruħhom biex jipprovdu opportunatijiet indaqs lil kulħadd. Il-Papa Franġisku spjega li b’hekk il-pajjiż ma jerġax jispiċċa f’nofs gwerra ċivili.

Il-Papa Franġisku kien qed jindirizza l-President tal-partit fil-Gvern Filipe Nyusi kif ukoll il-mexxejja tal-Oppożizzjoni fil-Palazz Presidenzjali.

L-eks kolonja Portugiża għaddiet minn gwerra ċivili li damet 15-il sena u li waslet fit-tmiemha fl-1992. Fil-gwerra inqatlu miljun ruħ. Kien biss ix-xahar li għaddha li n-naħat iffirmaw il-ftehim tal-waqfien mill-ġlied.

Il-Papa qabbel il-paċi ma’ fjura delikata li tikber f’kundizzjonijiet mhux favorevoli, u saħaq li fi snin li ġejjin wieħed jagħraf il-frott tal-paċi.

Uħud qed jibżgħu li iktar ma jorqorbu l-elezzjonijiet iktar hemm ċans ta’ vjolenza fil-pajjiż.

Ossufo Momade, il-kap tal-Oppożizzjoni Renamo, irċieva ċapċipa minn dawk preżenti meta l-Papa semmih fid-diskors tiegħu. Huwa kien fl-udjenza.

Il-President tal-pajjiż wiegħed li se jgħin biex tinbena nazzjon fejn il-vjolenza ma tibqax parti mill-kultura tan-nazzjon u fejn il-politika hi mirbuħa f’argument u mhux bl-armi.

Il-Papa Franġisku saħaq li biex ikun hemm paċi dejjiemi fil-pajjiż, il-mexxejja għandhom jiskoraġixxu kull forma ta’ fantiċiżmu. Stqarr li hemm bżonn li l-kundizzjonijiet u l-opportunitajiet jitjiebu għal kulħadd speċjalment għal dawk emarġinati.

“Mingħajr opportunitajiet indaqs, wieħed iħalli lok biex forom differenti ta’ vjolenza u kunflitt jikber,” tenna l-Papa.

L-Erbgħa filgħaxija l-Papa wasal f’Mozambique.