Kattoliċi fil-Filippini kontra d-divorzju

Il-Konferenza Episkopali tal-Filippini ħarġet Ittra Pastorali dwar Liġi tad-Divorzju li qed tkun diskussa fil-Kungress tal-pajjiż u qalet li “f’kuntest fejn id-divorzju qed ikunu ippreżentat bħala għażla faċli, iż-żwiġijiet u l-familji se jitkissru aktar faċilment”.
L-Arċisqof Davao Romulo Valles, President tal-Konferenza Episkopali appella lill-leġiżlaturi biex jikkunsidraw sew l-implikazzjonijiet tad-divorzju fuq is-soċjetà tal-pajjiż.
“Aħna qed nitolbu biss li jikkunsidraw li filwaqt li d-divorzju jista’ joffri soluzzjoni ta’ malajr għal dawk li jidhru bħala żwiġijiet li fallew, jista’ jispiċċa jfarrak anke dawk iż-żwiġijiet li bi djalogu jew b’intervent tal-familja, ħbieb jew counsellors, jistgħu jkunu salvati”, qal l-Isqof.
“Anke koppji li kellhom żwieġ suċċess spiss iħarsu lura u jiftakru kemm sfidi ffaċċjaw li għoddhom kissru ż-żwieġ tagħhom, imma rnexxielhom jifhmu u jaħfru lil xulxin. Bid-divorzju aktar tfal se jikbru mċaħħda mill-imħabba u l-kura taż-żewġ ġenituri u jbatu konsegwenzi emozzjonali u psikoloġiċi.
Il-Kattoliċi fil-Filippini qed jopponu bil-qawwa kollha dan l-abbozz ta’ liġi li skont stħarriġ tal-Opinjoni Pubblika għandu l-appoġġ ta’ 53% tal-poplu.
Mons. Oscar Florencio, Isqof Awżiljaru ta’ Cebu qal li din il-kwestjoni għandha tittieħed bl-akbar serjetà għax il-ħsara li tagħmel tkun irriversibbli. “Hemm ferm aktar ħsara milli ġid li d-divorzju jista’ jġib miegħu.”, qal l-Isqof.
Min-naħa tiegħu l-Kardinal Luis Antonio Tagle, Arċisqof ta’ Manila appella lill-koppji miżżewġa biex jagħmel deċiżjonijiet għall-ġid ta’ wliedhom “li għadhom fl-istadju li jiskopru l-ħajja u qisu wkoll it-tbatija li jitfa’ fuqhom il-piż tad-divorzju”.
“Dak li qed jikkunsidraw il-leġiżlaturi ma jagħtix każ il-bażi fundamentali u l-valur intrinsiku tal-ħajja tal-familja, speċjalment l-indissolubilità, l-għaqda u l-qdusija taż-żwieġ”, qal Fr Victor Garcia, Kappillan tal-parroċċa tas-Sagra Familja f’Kamia.
Grupp ta’ Kattoliċi Lajċi – Koppji għal Kristu – qal li l-pajjiż għandu bżonn appoġġ għaż-żwieġ.
“Iż-żwieġ, għalkemm regolat bil-liġi ċivili u bil-liġi tal-Knisja, joriġina minn Alla u mhux mill-Istat u anqas mill-Knisja.  Għalhekk la l-Istat u anqas il-Knisja ma jistgħu jibdlu d-definizzjoni intrinsika taż-żwieġ li ma jinħallx. Bħala komunità aħna favur il-qdusija u l-indissolubilità taż-żwieġ u kontra l-Liġi tad-Divorzju”, qal fi stqarrija dan il-grupp.