Kattoliċi fi Myanmar f’ħidma kbira favur l-ambjent

Ħaddiema tal-Knisja fi Myanmar iħawwlu s-siġar

Il-Kardinal Charles Bo, Arċisqof ta’ Yangon ingħaqad ma’ numru ta’ żgħażagħ Kattoliċi f’ħidma li matulha tħawwlu numru kbir ta’ siġar f’żona li rriservalhom apposta l-Gvern barra l-kapitali Myanmar biex b’hekk qed isegwu l-eżempju ta’ Papa Franġisku fl-enċiklika Laudato si

Aktar minn 200 impjegati u żgħażagħ tal-Knisja Kattolika ħadu sehem f’dan l-avveniment b’turija ta’ responsabbiltà lejn il-protezzjoni tal-ambjent fl-ispirtu dettat mill-imsemmija Enċiklika.

L-id soċjali tal-Knisja fil-pajjiż –Caritas Myanmar – ilha li bdiet kampanja ta’ tħawwil ta’ siġar, sa mit-18 ta’ Ġunju li għadda – li kien ir-raba’ anniversarju mill-pubblikazzjoni tal-eżortazzjoni ta’ Papa Franġisku dwar “Il-Kura tad-Dar Komuni Tagħna”.

Fost affarijiet oħra l-Enċiklika  titlob li jkun hemm azzjoni responsabbli u mmedjata dwar it-tibdil fil-klimea.

Skont Vatican News, sa mis-sena li għaddiet, Caritas Myanmar kienet qed taħdem biex torganizza din il-kampanja favur l-ambjent madwar is-16-il djoċesi mifruxa mal-pajjiż kollu.

Naqsmu r-responsabbiltà

Caritas tixtieq timmotiva lil kulmin hu responsabbli biex jerfa’ r-responsabbiltà biex flimkien inwaqqfu l-qirda tal-ambjent u l-inġustizzji marbuta mal-bidla globali fil-klimea.

F’kumment li ta dwar l-attività taż-żriegħ tas-siġar, id-Direttur ta’ Caritas f’Yangon qal li l-Gvern ipprovda l-pjanti u rriserva biċċa art biex fiha jkunu ppjantati s-siġar filwaqt li l-Knisja se tieħu ħsieb li għas-sentejn li ġejjin, tieħu ħsieb dawn is-siġar.

Caritas ilha mill-2017 tiżra s-siġar f’Yangon barra milli żergħat ukoll eluf ta’ pjanti f’diversi villaġġi fi rħula u bliet fil-qrib.

Inqajmu kuxjenza

Uffiċjal ta’ Caritas Myanmar qal li din il-kampanja qed issir bħala sforz kollettiv mill-uffiċċji tal-Caritas li hemm fi Myanmar biex titqajjem kuxjenza ambjentali.

“Illum it-taħsir tal-ambjent sar problema kbira u għandna dover li nipproteġu l-ambjent u nħobbu s-siġar u l-foresti.  Dan hu l-messaġġ li nixtiequ ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin”.

Il-Caritas fi Myanmar ippreżentat lill-Gvern, pjan ta’ ħames snin – bejn l-2018 u l-2022 – ta’ żriegħ ta’ siġar. Uffiċjali mid-Dipartiment tal-Afforestrazzjoni tal-Gvern offrew eluf ta’ pjanti għal dan l-iskop.

Barra minn dan, f’dawn il-ġranet, fil-belt ta’ Lashio fit-tramuntana tal-pajjiż, il-Caritas lokali , ippjantat aktar minn 1,800 siġra fuq art tal-Knisja, bil-kollaborazzjoni ta’ numru ta’ parroċċi.

Il-Messaġġ tal-Kardinal Bo

Il-Kardinal Bo ilu ħafna jitkellem dwar il-ħsara lill-ambjent fil-pajjiż. Hu qal li hu ferħan ħafna li l-Gvern u l-poplu ta’ Myanmar niedew din il-kampanja kbira ta’ żriegħ ta’ siġar.

Hu lmenta li r-rgħiba qerdet 30% tal-foresti fil-pajjiż fl-aħħar snin biex il-lum il-pajjiż iweħed mill-aktar vulnerabbli u espost għal diżastri naturali bħalma huma ċikulni, għargħar u perikli oħra.

Il-Kardinal ikkwota mill-Bibbja u qal li Alla ħatar lill-bniedem biex iħares il-ħolqien iżda nies bla skrupli “ferew” id-dinja li ngħixu fiha.  “Hemm miljuni ta’ persuni li jiddependu fuq il-protezzjoni tan-natura u dawk li jeqridu l-foresti ikunu qed jisirqu lill-fqar u lill-penerazzjonijiet futuri”.

Il-kardinal Bo ħeġġeġ lill-poplu ta’ Myanmar biex kulħadd jiżra u jieħu ħsieb almenu 10 siġriet biex il-pajjiż jerġa’ jħaddar mill-ġdid.