Kattoliċi Awstraljani jgħinu finanzjarjament fid-difiża tal-Kardinal Pell

Grupp ta’ Kattoliċi Awstraljani waqqfu fond biex jgħinu lill-Kardinal George Pell, jiffinanzja l-battalja legali tiegħu minn akkużi ta’ abbuż sesswali. Il-Kardinal Pell hu l-aktar prelat anzjan fl-Awstralja kif ukoll il-Kap tal-Uffiċċju Finanzjarju tal-Vatikan.
Ftit jiem ilu, il-Pulizija ta’ Victoria, fl-Awstralja, akkużaw lill-Kardinal Pell b’numru ta’ abbużi sesswali li allegatament seħħew numru ta’ snin ilu. Iżda anqas il-Kardinal stess ma jaf x’inhuma l-akkużi u mhux se jkun infurmat bihom qabel jidher quddiem il-Qorti fit-18 ta’ dan ix-xahar.
Sadattant infetaħ kont bankarju biex dawk li jixtiequ jagħmlu donazzjoni biex il-Kardinal li rritorna lejn Melbourne mill-Vatikan, ikun jista’ jħallas l-ispejjeż legali biex jiddefendi ismu.
Dan juri li hemm nies li jappoġġjaw lill-Kardinal u jridu jgħinuh ikollu l-opportunita’ jiddefendi ismu minn dawn l-akkużi gravi.  Il-fond twaqqaf wara li l-Arċisqof ta’ Sydney, Anthony Fisher, li hu s-suċċessur tal-Kardinal Pell, qal li għalkemm l-Arċidjoċesi kienet se tgħin fl-ispejjez tal-akkomodazzjoni tal-Kardinal kemm idum fl-Awstralja ma kinitx se tagħmel tajjeb għall-ispejjeż legali tiegħu.
Min-naħa tiegħu il-Kardinal ċaħad dawn l-akkużi bil-qawwa kollha u qal li l-kawża fil-Qorti se tagħtih iċ-ċans li jnaddaf ismu.
Min-naħa tiegħu, il-Papa Franġisku li kien hu li ħatar lill-Kardinal Pell biex imexxi l-affarijiet finanzjarji tal-Vatikan, tah permess biex jirritorna lejn l-Awstralja biex ikun jista’ jiddefendi lilu nnifsu minn dawn l-akkużi.