Kattoliċi Amerikani jgħinu familji mifruda fuq il-fruntiera

Uħud marru jipprotestaw fuq il-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku, filwaqt li oħrajn akkumpanjati minn uliedhom ipprotestaw fil-bliet u qrib il-parroċċi tagħhom madwar l-Istati Uniti kollha, kontra l-politika ta’ Trump li jifred il-familji tal-emigranti.

Oħrajn qed jivvolontarjaw is-servizzi tagħhom biex jagħtu pariri jew iżuru tfal tal-emigranti separati mill-ġenituri tagħhom u qed jitkellmu pubblikament kontra din il-politika tal-amministrazzjoni Amerikana.

Kattoliċi, inkluż kardinali, isqfijiet reliġjużi nisa u rġiel, saċerdoti u lajċi, sorijiet minn diversi ordnijiet reliġjużi u organizzazzjonijiet mhux governattivi, minn tarf għall-ieħor tal-pajjiż qed isemmgħu leħinhom favur l-emigranti u jitolbu biex il-familji tal-emigranti jerġgħu jingħaqdu u jkunu trattati b’mod uman.

“Uħud minn dawn il-każi huma sempliċiment inumani, kontra l-Bibbja u kontra s-sentiment tal-poplu Amerikan” qal il-Kardinal Timothy Dolan quddiem folla ta’ ġurnalisti fi New York. “Nixtieq naħseb li l-Amerika semgħet is-sejħa għall-qawmien u indunat li qed nitbiegħdu mill-għeruq tagħna li normalment huma għeruq ta’ merħba u ospitalità. Ejjew nilqgħu lil dawn l-emigranti,” sostna l-kardinal.