Katekisti martri ta’ Mozambique fit-triq għall-Beatifikazzjoni

L-oqbra tat-23 katekist martri maqtula fil-Mozambique

Fit-23 ta’ Marzu li għadda, eluf ta’ persuni nġabru fil-Kattidral ta’ Guiua, fid-djoċesi ta’ Inhambane fil-Mozambique, fejn ingħalqet il-fażi djoċesana tal-proċess għall-Beatifikazzjoni u Kanoniżazzjoni ta’ grupp ta’ katekisti lajċi u l-familji tagħhom li nqatlu biex jiddefendu l-fidi.

Il-massakru kien seħħ fit-22 ta’ Marzu tal-1992 waqt li dawn il-katekisti u l-familji tagħhom kienu qed jieħdu sehem f’kors ta’ formazzjoni, immexxi mill-Missjunarji tal-Consolata.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES din hi l-ewwel kawża ta’ beatifikazzjoni li bdiet u ntemmet fil-Mozambique – fil-25 anniversarju tal-massakru.  Waqt iż-żjara tiegħu fil-Mozambique, il-Papa Franġisku mistenni jagħmel riferenza għal dawn il-martri.

Father Osorio Citora Afonso, missjunarju mill-Mozambique, jiftakar sew il-ġrajjiet tax-xhieda erojka tal-katerkisti martri. Dan hu r-rakkont tiegħu lill-FIDES.

“Wara d-dikjarazzjoni tal-indipendenza fl-1975, meta ħa l-poter il-Front għal-Liberazzjoni tal-Mozambique imnebbaħ minn ideoloġija Marxista-Leninista, bdiet il-persekuzzjoni kontra l-Knisja, b’ħafna restrizzjonijiet fuq l-attività pastorali, rifjut ta’ visas lil missjunarji barranin u esproprjazzjoni ta’ affarijiet tal-Knisja.

Knisja mneżża’ minn kollox

“Il-Knisja sfat imneżża’ minn kulma kellha. Ħafna missjonijiet kellhom jiġu abbandunati mill-missjunarji u s-saċerdoti. Għalhekk bdew jitwieldu komunitajiet insara żgħar. Dawn ma kellhomx qassisin imma tmexxew minn missjunarji lajċi – katekisti u animaturi mill-komunitajiet insara.

“Hekk bdiet l-istorja ta’ dawn il-katekisti li b’mod erojku offrew ħajjithom għall-Evanġelju bejn l-1975 u l-1992. Barra dawk il-katekisti li kienu mħarrġa fiċ-Ċentru Kataketiku ta’ Anchilo u li wettqu l-attività missjunarja tagħhom fl-inħawi ta’ Nampula u nqatlu fil-kamp tal-missjoni, kien hemm oħrajn li ħadu t-taħriġ tagħhom fiċ-ċĊentru Kataketiku ta’ Guiua li nqatlu waqt li kienu qed jiffurmaw u jippreparaw ruħhom li issa bdiet il-kawża tal-Beatifikazzjoni tagħhom.

“Kien hemm madwar 15-il familja – familji sħaħ bil-missirijiet, ommijiet u ulied, fosthom trabi li kienu qed jgħixu f’bini proprjetà tal-Knisja biex jattendu għal kors ta’ taħriġ ta’ sena li kellu jibda l-għada.

23 katekist maqtula

“Iżda matul il-lejl, il-gwerillier ta’ Renamo attakkaw id-dormitorju u ħadu magħhom irġiel, nisa u tfal biex jiksbu informazzjoni minn għandhom dwar l-avversarji tagħhom tal-Frelimo. Imma billi ma ħadux l-informazzjoni li riedu, ifferoċjaw.

“Ir-ribelli, b’mod brutali kaxkru lill-familji għal distanza ta’ tliet kilometri u wara li nterrogawhom, bdew joqtluhom f’għalqa.  Xi katekisti oħra, meta raw din is-sitwazzjoni serja u li ma dehritx li se tinbidel, talbu permess biex jitolbu. Wara ftit mumenti ta’ talb, it-23 li kienu sfaw maqtula. Kien il-lejl tat-22 ta’ Marzu 1992”, irrakkonta Fr. Citora Alfonso.

Minn dak iż-żmien ta’ dawn l-avvenimenti traġiċi, in-nies tal-Mozambique bdew isejħu lil dawn il-katekisti “Il-Martri ta’ Guiua” u difnuhom f’żewġ fillieri ta’ oqbra li jwasslu gasħ-Santwarju Reġina tal-Martri u perjodikament imorru f’din il-knisja ifakkru x-xhieda li taw dawn il-katekisti.