Kate Middleton lura għall-ħajja pubblika

Id-Dukessa ta’ Cambridge, Kate Middleton dehret għall-ewwel darba fil-pubbliku wara li ħabbret li se jkollha t-tieni tarbija.
Middleton kienet preżenti għaż-żjara statali li qed jagħmel il-President ta’ Singapor.
Hija tinsab fit-13-il ġimgħa tat-tqala u kienet qed tbati minn kundizzjoni relatata mat-tqala.
Kate Middleton kellha tkun ir-rappreżentanta tal-familja rjali għall-50 Anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta iżda minħabba din il-kundizzjoni kellha tirtira u minflokha wasal fostna żewġha l-Prinċep William.
It-tqala ta’ Kate ġiet imħabbra x-xahar li għadda u t-tieni tarbija tagħha, wara t-tifel George, se titwieled f’April tas-sena ddieħla.
William u Kate iltaqgħu mal-President Tan u martu flok ir-reġina f’lukanda lussuża f’Kensington f’Londra.
Aktar tard ingħaqdu magħhom f’Whitehall fejn iltaqgħu mar-Reġina Eliżabetta t-Tieni u d-Duka ta’ Edinburgh.
Kate Middleton qalet li qed jirnexxilha tistrieħ ferm iżjed meta toqgħod fid-dar tal-familja Middleton f’Bucklebury Manor.