Katavru jinġarr mal-passiġġieri fuq vapur tal-Gozo Channel

Passiġġieri li kienu fuq il-vapur tal-Gozo Channel, li ħalla Għawdex fis-12.45pm, jinsabu mgħaddba li abbord inġarr katavru b’mod illegali.
Dan meta suppost karozza tal-mejtin bil-katavru fiha ma tittellax fuq il-vapur mal-passiġġieri.  Il-katavri bejn iż-żewġ gżejjer normalment jinġarru fuq lanċa.
Newsbook.com.mt huwa infurmat li minkejja li saru rapporti lill-pulizija u lill-amministrazzjoni tal-Gozo Channel, ma ttieħdu l-ebda passi biex dan il-katavru jittieħed Malta kif suppost.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li l-karozza tal-mejtin waslet Għawdex minn Malta u ġabret il-katavru mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.  Hu mifhum li l-katavru tqiegħed fl-ixkaffa t’isfel tal-vettura bit-tama li ħadd ma jinnota li kien qed jinġarr fuq il-vapur mal-passiġġieri.
Meta sar ir-rapport mal-pulizija, qabel ma l-vapur telaq mill-Imġarr, il-pulizija allegatament qalu li ma kellhom l-ebda dritt jidħlu fil-kju tal-Gozo Channel jekk ma jiġux imsejħa mill-kumpanija.
Sar ukoll rapport mal-amministrazzjoni tal-Gozo Channel li meta vverifikat mal-ħaddiema, qalet li ma kien qed jinġarr l-ebda katavru.
Il-passiġġieri qalu ma’ Newsbook.com.mt li ma jittollerawx dan il-ksur tal-liġi b’detriment għal saħħithom, kif ukoll li minkejja li saru rapporti kollox waqa’ fuq widnejn torox.
Hu mifhum li dan ma kienx l-ewwel każ fejn inġarru katavri bejn Malta u Għawdex b’mod illegali.