Katalunja terġa’ tidħol f’lockdown minħabba żieda fil-każi tal-coronavirus

REUTERS/Nacho Doce

Il-gvern fir-reġjun Spanjol tal-Katalunja reġa’ impona kontrolli dwar il-coronavirus f’żona ta’ madwar 210,000 persuna wara żieda għolja fil-każi.

Il-BBC irrapporta li l-President Quim Torra qal li ħadd ma kien se jitħalla jidħol jew joħroġ minn Segrià, żona agrikulturali fil-Punent ta’ Barċellona. Tinkludi l-belt ta’ Lleida.

Il-lockdowns lokali bdew is-Sibt waranofsinhar. Saru arranġamenti biex dawk li ma joqgħodux hemm ikunu jistgħu jitilqu.

Il-Katalunja hija waħda mir-reġjuni Spanjoli l-aktar li ntlaqtu mill-coronavirus.

Spanja rreġistrat aktar minn kwart ta’ miljun ta’ każi tal-coronavirus. Kien hemm mill-inqas 28,385 persuni li mietu minħabba l-virus.