Aġġornata: Kastilja miftuħa kmieni bil-lejl “minħabba l-inċident f’Montekristo”

Minkejja li ħafna ħasbu li Kastilja kienet miftuħa bil-lejl minħabba d-dokumenti żvelati dwar mexxejja b'investimenti fil-Panama, fosthom il-Ministru Konrad Mizzi, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia qal ma' Newsbook.com.mt li dak il-ħin kienet għaddejja laqgħa mis-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri dwar l-inċident li seħħ ilbieraħ f'Montekristo.
Għall-mistoqsijiet ta' Newsbook.com.mt, Farrugia qal li l-laqgħa seħħet f'dawk il-ħinijiet biex jiġi żgurat li inċident serju bħal dan ma jerġax iseħħ. L-inċident f'Montekristo fejn tifel inħataf minn leonessa seħħ għall-ħabta tal-5pm.
Kurt Farrugia spjega li minbarra Deborah Schembri, għal-laqgħa kien hemm l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA u xi uffiċjali oħra tal-Gvern.
Il-Kap tal-Kommunikazzjoni qal ukoll li l-midja tal-Partit Nazzjonalista "qed tigdeb" għax kienu jafu dwar il-laqgħa u saħansitra "ngħataw intervista mas-Segretarju Parlamentari."
Farrugia qal ukoll li l-karozza li tidher fir-ritratt hija ta' Deborah Schembri.
Persuni li kienu fuq il-post qalu ma' Newsbook.com.mt li l-Berġa ta' Kastilja kienet miftuħa għall-ħabta tas-siegħa ta' filgħodu u li dehru xi karozzi tal-Ministri pparkjati fil-pjazza ta' quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.