“Kastig adegwat għall-ġurnalisti”; “Qalbi tingħasar”

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli wieġbet lill-eks-Deputat Laburista Deborah Schembri, li lbieraħ qalet li hemm limitu li l-ġurnalisti ma għandhomx jaqbżuh.
Deborah Schembri kienet mistiedna fuq il-programm Pjazza, fuq One, li ddiskuta l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fil-kummenti tagħha, Schembri qalet li meta wieħed jitkellem fuq il-libertà tal-kelma, “irridu niftakru li hemm ċertu punt li m’għandniex naqbżuh.
L-eks-Deputat Laburista qalet li jekk il-kelma tintuża biex tweġġa’ lil ħaddieħor, allura m’hemmx libertà tal-espressjoni imma abbuż minn dan id-dritt.
Appellat li “fis-saltna tad-dritt” għandu jkun hemm “kastig adegwat” biex nies u ġurnalisti jkunu responsabbli għal dak li jgħidu u jiktbu.
Żiedet tgħid li jekk dan ma jseħħx, se jkun hemm min jieħu l-liġi b’idejh.
"Ma naċċetta QATT u QATT li xi ġurnalist iħossu rikattat" – Julia Farrugia Portelli
Dan il-kumment ġab ir-reazzjoni ta’ ħafna, fosthom tas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli li b’referenza ċara għall-kumment ta’ Schembri kitbet fuq Facebook: “ma naqbilx u ma naċċettax l-argument li xi ħadd jinsinwa li ġurnalist għandu jkun ikkastigat jekk jaqbeż xi linja fi kliemu.”
Kompliet tgħid li hi ħadmet għal 20 sena ġurnalista u minkejja li l-irwol tagħha nbidel, baqgħet tħobb din il-professjoni.
“Ma naċċetta QATT u QATT li xi ġurnalist iħossu rikattat,” kompliet Farrugia Portelli.
Id-dikjarazzjoni ta’ Deborah Schembri tikkuntrasta wkoll mal-ewwel reazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia.
Dakinhar f’Kastilja, il-Prim Ministru qal li kulħadd għandu dritt jikteb u jgħid li jrid. Kompla jgħid li min iħossu mweġġa’ jew malafamat għandu l-Qorti fejn jiddefendi ruħu. 
Deborah Schembri tiċċara l-pożizzjoni tagħha
Intant, ftit ilu, Deborah Schembri reġgħet kitbet biex tiċċara dan li qalet ilbieraħ u qablet ma’ dak li qal il-Prim Ministru jiġifieri li kull min iħossu mweġġa’ ma għandu qatt jieħu l-liġi b’idejh.
Schembri qalet li jiddispjaċiha li kien hemm min interpreta ħażin il-messaġġ tagħha u qalet li qatt ma riedet tiġġustifika li dawk li jieħdu l-liġi b’idejhom.
Saħqet li inkwetata biss li nhar it-Tnejn kien hemm min ħa l-ġustizzja b’idejh u li kien min wettaq dan l-attak li għamel il-ħażin u mhux il-ġurnalista.
“Jien ukoll irrid li ssir ġustizzja, illum qabel għada,” temmet tgħid Schembri.
"Ma għandu qatt jitpoġġa limitu fuq dak li jgħid ġurnalist" – IĠM
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal li wara l-programm tal-bieraħ, tkallem direttament ma' Deborah Schembri u jinnota b'sodisfazzjon li kkjarifikat il-pożizzjoni tagħha pubblikament.

L-IĠM, filwaqt appella għal ġurnaliżmu responsabbli, saħaq li ma' jista' jaqbel qatt li jitpoġġa xi limitu fuq dak li għandu jgħid il-ġurnalist.