Karti tal-Identità ġodda minn Settembru

Read in English.

Id-dokument ta’ identifikazzjoni ġdid huwa mistenni li jidħol fiċ-ċirkolazzjoni minn Settembru hekk kif il-produzzjoni u l-ittestjar tas-software tal-karta tal-identità l-ġdida wasal fl-aħħar fażi tiegħu.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat ħabbar dan permezz ta’ stqarrija li fiha spjega li minbarra lbidliet estetiċi, id-dokument ta’ identifikazzjoni l-ġdid se jkun aktar sigur.

Il-karta tal-identità ġdida li tinħareġ biss liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin se tkun mgħammra b’għadd ta’ fatturi ta’ sigurtà ġodda filwaqt li d-dettalji personali tad-detentur se jkunu fuq karta polycarbonate, li se tagħmilha diffiċli mmens biex wieħed imiss id-dokument mingħajr ma jħalli traċċi.

Anton Sevasta, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità Malta ħabbar li mill-ġimgħa d-dieħla se tibda tinħareġ il-karta tal-identità l-ġdida liċ-ċittadini anzjani, jiġifieri dawk li għandhom ‘il fuq minn 60 u dawk ta’ ‘il fuq minn 75 sena.

Wara, se jkunu qed jinħarġu lill-applikanti l-ġodda ta’ 14-il sena u eventwalment lil kumplament taċ-ċittadini aktar tard dan ix-xhar, kemm-il darba ma jkunx hemm diffikultajiet tekniċi.

L-introduzzjoni gradwali tal-karta tal-identità ġdida Maltija se tibda minn Settembru.

Ġie spjegat wkoll li d-dokument tal-identità l-ġdid se jinħareġ għal applikazzjonijiet ġodda u tiġdid, u mhux se jkun hemm mass rollout.

Sabiex persuna tapplika għall-Karta tal-Identità għandha tirrikorri fl-uffiċċju li Identity Malta għandha f’Gattard House il-Blata l-Bajda sabiex timla l-formoli neċessarji u tittieħed linformazzjoni biometrika.

Ingħad wkoll li l-karti tal-identità validi fiċ-ċirkolazzjoni jibqgħu tajbin sad-data ta’ skadenza tagħhom. Il-karti tal-identità eżistenti diġà jikkonformaw ma’ standards għoljin ta’ sigurtà, iżda dawk ġodda se jagħmlu użu mill-aħħar teknoloġija.