Karozzi Toyota f’Malta jinġabru minħabba difett

F’Malta qed jinġabru l-karozzi Toyota tat-tip Yaris, Corolla, Camry u RAV4 li ġew immanifatturati bejn l-2005 u l-2010.
Rappreżentant mid-Direttorat tas-Sorveljanza tas-Suq fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-aġent tat-Toyota f’Malta qed jagħmel kuntatt mas-sidien ta’ dawn il-vetturi biex jirranġa d-difetti li qed jikkawżaw problemi.
F’nofs Ottubru, Toyota avżat li qed tiġbor 6.5 miljun vettura minn madwar id-dinja, minħabba difett f’tieqa tal-elettriku, b’riskju ta’ short circuit li jwassal biex parts tal-karozza jisħnu u jinħallu u eventwalment il-karozza tieħu n-nar.
Madwar 2.7 miljun karozzi affettwati nbiegħu fl-Amerika ta’ Fuq u 1.2 miljun fl-Ewropa.
Il-kumpanija qalet li ma rċevietx rapporti ta’ inċidenti kawża ta’ dan id-difett, imma wieħed mill-konsumaturi qal li n-nar ħarqilhom idejhom.
Bħalissa, it-Toyota qed tissielet biex tikseb lura r-reputazzjoni tagħha hekk kif fl-aħħar xhur, irtirat kważi 10 miljun vettura minħabba air bags difettużi li wasslu għal tmien imwiet madwar id-dinja.