Filmat: Karozzi tal-Pulizija minn madwar id-dinja f’Ħal Qormi

Għadd ta’ mudelli ta’ karozzi, fosthom mudelli mill-films ta’ James Bond u mudelli ta’ vetturi promozzjonali li jirreklamaw lill-grupp mużikali Beatles, se jkunu miġbura flimkien fil-11-il wirja annwali tad-Die Cast & Scale Model Society.
Din is-soċjetà tiġbor fiha kollezzjonisti ta’ mudelli varji ta’ mezzi tat-trasport tat-tip Diet Cast kif ukoll ta' mudelli oħra mibnija bl-idejn.
Għall-ewwel darba se jkun hemm esebiti mudelli ta' karozzi tal-pulizija minn madwar id-dinja, minjatura ta’ garaxx, vetturi antiki ambjentati fi triq tradizzjonali Maltija, kif ukoll karru tal-karnival.
Se jkunu esebiti wkoll numru ta’ dijorami ta’ qisien diversi, kif ukoll il-mudell tal-Apron 9 mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta komplut b’ajruplani, b'vetturi, b'passiġġieri u bit-terminal.
Il-wirja se ssir bejn l-4 u t-8 ta’ Diċembru, fix-showroom Easysell, Triq l-Imdina, Ħal Qormi.
Id-dħul għal din il-wirja hu b’xejn.