Anzjana l-isptar wara li daħlet ġo arblu; traffiku kbir f’Santa Venera

Aġġornat 09:37 AM
Miguela Xuereb

Dalgħodu kien hemm inċident fil-mini ta’ Santa Venera li kkawża traffiku kbir fl-akkwati. Mara ttieħdet l-isptar wara li daħlet ġo arblu bil-karozza tagħha.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ fit-8.15am qabel il-mini ta’ Santa Venera, fid-direzzjoni lejn il-Marsa.

Il-mara għandha 62 sena u hi minn Ħal Tarxien. Hija ttieħdet l-isptar b’ambulanza.

Il-paġna Maltese Roads Traffic Updates fuq Facebook wissiet fuq it-traffiku li nħoloq, u qalet li l-karozzi qed ikollhom jgħaddu mill-Ħamrun u minn Santa Venera. Ftit vetturi qed jitħallew jgħaddu mill-mini, u trakkijiet u vetturi kbar qed jintalbu jgħaddu mill-Ħamrun.

Jidher li t-traffiku jibda fil-Kappara.

Maltese Roads Traffic Updates / Facebook