Karozzi minflok iż-żwiemel taħt it-tined

Għalkemm għaddew biss jumejn mill-protesti kontra l-karozzini taż-żwiemel  minħabba dak li huwa kkunsidrat abbuż peress li jkunu f’xemx tiżreġ, numru ta’ karozzi jinsabu pparkjati taħt it-tined li l-istess żwiemel jistkennu għad-dell taħthom.

Ir-ritratt, li ttieħed illum, qed idur fuq Facebook, fejn numru ta’ nies qed jilmentaw dwar l-egoiżmu tan-nies li jaħsbu biss fuq li l-karozza tagħhom tkun mistkenna ix-xemx. Minħabba dan, iż-żwiemel ikollhom jistrieħu bilfors fix-xemx.

Gimgħa ilu, miet żiemel sakemm kien qiegħed jiġbed karozzin.  Żiemel ieħor ikollassa fil-Pietà. 

Il-Partit Demokratiku bagħat stqarrija fejn saħaq li l-Gvern għandu jintervjeni mhux biss biex jirregola aħjar l-użu taż-żwiemel fit-toroq imma wkoll biex ikunu indirizzati l-impatti socjali ta’ din ir-regolamentazzjoni.

Huwa saħaq li l-azzjoni għandha tittieħed sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet taż-żwiemel; il-partit sostna li dan għandu jfisser li l-użu taż-żwiemel fit-toroq għandu jitnaqqas fis-sħana qalila tas-sajf, bejn nofsinnhar u l-4pm.