Karozzi li jingħataw in-nar: dejn, droga u tpattija

Il-pulizija tissuspetta li l-każi ta' karozzi li jieħdu in-nar huma marbuta ma' dejn, tpattija u droga. 

Bi tweġiba għal mistoqsijiet ta' Newsbook, il-pulizija tgħid li ma teskludix ukoll li vettura tingħata n-nar biex persuna tieħu kumpens mill-assigurazzjoni.

Iżda, l-pulizija tispjega li jista’ jkun hemm każi fejn karozzi jkunu ħadu nar b’inċident jew ħsara elettronika.

F’każ ta’ dubju li n-nar tqabbad apposta, il-Pulizija tinterroga lill-persuni li sid il-karozza ikollu suspett fihom. Iżda, d-diffikultà kbira fl-investigazzjoni tkun li kull evidenza importanti, fosthom il-marki tas-swaba, tinqered bin-nar stess.

Mill-bidu tas-sena s’issa, kienu rappurtati mill-inqas 11-il każ, bil-maġġoranza jseħħu matul il-lejl. Is-sena li għaddiet, il-Pulizija rċeviet 45 rapport ta’ ħruq ta’ vetturi, bi 38 minnhom iseħħu bejn it-8pm u s-6am.

Minkejja dan, il-każi fl-2012 naqsu bi ftit fuq is-sentejn ta’ qabel.

Mill-investigazzjoni tal-Pulizija jidher li m’hemm xejn li jindika li l-każijiet kienu marbuta ma’ xulxin, għalkemm fl-2012 kien hemm każ fejn iż-żewġ vetturi tal-istess sid ħadu n-nar fi żmien qasir.