Karozzi bla pjanċi f’San Pawl ilhom ġimgħat biex jitneħħew mit-toroq

Residenti f’San Pawl il-Baħar qed jilmentaw fuq numru ta’ karozzi mingħajr pjanċi ta’ reġistrazzjoni li tħallew abbandunati f’din il-lokalità.
Karozza li tinsab fi Triq Jean de la Cassiere jidher li ilha hemm bosta xhur, ġiet ikklampjata u vvandalizzata u ilha b’avviż ta’ tneħħija mwaħħla mal-windscreen għal dawn l-aħħar erba’ ġimgħat.
Xi ħadd mhux magħruf waddab ukoll kantun fuq din il-karozza, bir-residenti jgħidu fil-mezzi soċjali li s-sitwazzjoni hija perikoluża għaliex tfal jippruvaw jilgħabu mal-karozza.
Jirriżulta li fl-istess triq hemm ukoll karozza oħra bla pjanċi u li għandha avviż ta’ tneħħija, iżda l-karozza baqgħet hemm.
Fil-mezzi soċjali, ir-residenti f’San Pawl il-Baħar qalu li karozza oħra abbandunata tinsab fi Triq Quintus.
Din il-karozza ilha bl-avviż ta’ tneħħija mwaħħal mal-windscreen għal dawn l-aħħar sitt xhur.  

Ritratt: Facebook