Karozzi abbandunati f’parkeġġ; avviż biex jitneħħew

Karozzi abbandunati parkeġġ Qawra jitneħħew

Numru ta’ karozzi li ilhom abbandunati għal aktar minn sena u nofs f’għalqa li tintuża bħala parkeġġ fil-Qawra twaħħlulhom avviżi ta’ tneħħija mill-Pulizija.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mill-Pulizija stess wara li bgħattna mistoqsijiet dwarhom.

Sors li tkellem ma’ Newsbook.com.mt spjega li l-karozzi jinsabu f’għalqa viċin tat-Triq J Quintinus. Sostna li hemm minnhom ilhom is-snin u qed jiġu żarmati biċċa biċċa. Spjega li saħansitra l-pjanċi tagħhom ġew misruqa. Irrimarka li dawn il-pjanċi jistgħu jintużaw sabiex jitwettqu serqiet u nsista li huwa llegali li dawn il-karozzi jitħallew hemm.

Is-sors irrimarka li darba l-Pulizija marru fuq il-post madanakollu ma kien sar xejn. Wara dan, ir-residenti kitbu wkoll ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija. Newsbook.com.mt talab lill-Pulizija sabiex tikkonferma dawn l-ispunti madanakollu risposta dwar dawn ma waslitx.

Għaldaqstant, il-Pulizija kkonfermaw li l-Pulizija tad-Distrett qed jinvestigaw il-każ.