Aġġornata: Karozza tinqaleb fil-Marsa; raġel l-isptar

Kmieni dalgħodu fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa seħħ inċident fejn jidher li karozza inqalbet u ġiet fuq il-ġenb.
Kelliema għall-Pulizija kkonfermat dan l-inċident fejn spjegat li ma kienx hemm vettura oħra involuta.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5am wara li żagħżugħ ta’ 28 sena miż-Żejtun tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu.
Hu ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief.
Skont il-paġna ta’ Facebook Maltese Road traffic Updates, l-inċident seħħ fid-direzzjoni lejn il-Marsa.
Dawk kollha li s-soltu jużaw din it-triq qed jintalbu biex jevitaw jgħaddu minnha fis-sigħat li ġejjin.
Ritratt: Maltese Road Traffic Updates