Karozza tidħol f’partitarji f’Moska; 8 feruti

Read in English.

Taxi baqgħet dieħla f’ġemgħa nies qrib il-Pjazza l-Ħamra f’Moska lbieraħ, u weġġgħet tmien persuni, fosthom żewġ Messikani, żewġ Russi, u ċittadin Ukren, skont xhieda li raw l-inċident iseħħ.

Dan ġara waqt li residenti u għadd kbir ta’ nies kienu qegħdin f’Moska, ftit ’il bogħod minn Kremlin, minħabba li r-Russja qiegħda tospita t-Tazza tad-Dinja.

L-awtorità tal-immaniġjar tat-traffiku f’Moska qalet li x-xufier tat-taxi akkwista l-liċenzja tas-sewqan f’Kyrgyzstan, repubblika eks-Sovjetika li l-maġġoranza tagħha hi Musulmana. Ix-xufier, li nżamm fil-kustodja tal-pulizija, qal li m’għamilx dan għal t’apposta.

Il-pulizija fetħu investigazzjoni kriminali għall-ksur suspettat tal-kodiċi tat-traffiku.

Sebgħa qegħdin f’kundizzjoni sodisfaċenti, filwaqt li mara oħra hi mweġġgħa serjament.

F’filmat li xxerred onlajn, il-vettura tidher issuq għal madwar 10 metri mal-bankina, u ġġorr lil dawk li kienu mexjin magħha, bi wħud minnhom jinġarru fuq il-bonnet tal-karozza. Il-karozza waqfet malli ħabtet ma’ sinjal tat-traffiku, u x-xufier ħarab.