Karozza bomba taħrab lill-Pulizija; 19-il persuna mejta

Attakk suwiċida fil-kapitali Sirjana, Damascus, ħalla minn tal-inqas 19-il persuna mejta.
Skont it-televiżjoni tal-istat Sirjan, il-Pulizija kienet qed issegwi tliet karozzi bomba li kienu qed jippruvaw jidħlu f’Damascus.
Jidher li l-Pulizija rnexxielha twaqqaf tnejn mill-karozzi iżda t-tielet xufier baqa’ dieħel fi Pjazza Tahrir u sploda lilu nnifsu bil-karozza b’kollox meta nduna li ġie assedjat.
Il-gwerra ċivili fis-Sirja ilha għaddejja madwar sitt snin u matulhom Damascus dejjem baqgħet f’idejn il-Gvern.
Apparti dawk li tilfu ħajjithom, 12-il persuna oħra weġġgħu.
Skont rapporti, ix-xufiera kienu qed jippjanaw li jisplodu l-karozzi fiż-żoni li fihom ikun hemm l-aktar nies fl-ewwel ġurnata xogħol wara r-Ramadan.
S’issa l-ebda grupp ma ħa responsabbilità tal-attakk.