Karol Aquilina jagħti ċ-ċekk tal-Gvern lill-Fondazzjoni Daphne

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina qal li ta donazzjoni lil The Daphne Caruana Galizia Foundation mill-flus li ġew miċ-ċekk tal-Gvern.

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili qed jappella lil dawk favur il-governanza tajba biex minflok jaċċettaw iċ-ċekk tal-Gvern, jagħtuh donazzjoni lill-karità bħala protesta. Jidher li Aquilina għoġbitu din l-idea u fuq Twitter qal li ta donazzjoni ta’ €35 lill-fondazzjoni.

Aquilina qal li l-ġlieda favur il-verità u l-ġustizzja trid tkompli. Appella lil dawk li jistgħu biex jagħmlu bħalu. It-tifel ta’ Daphne, Matthew Caruana Galizia, irringrazzja lil Aquilina fuq Twitter għall-ġest tiegħu.

Il-Gvern ħabbar din il-ġimgħa li se jibgħat ċekk ta’ €15 jew €35 ta’ darba lil kull familja f’Malta, bħala kumpens għal xi żidiet li kien hemm fil-prodotti.

Fi stqarrija, in-Netwerk qal li ċ-ċekkijiet, “filwaqt li jistgħu jiswew ta’ ġid għal xi wħud fil-ġejjieni viċin, fil-verità m’huma se jħallu ebda impatt siewi. Ninnotaw illi kien ikun aktar ta’ ġid li kieku l-Gvern uża l-ammont ekwivalenti biex jinvestih fis-soċjetà biex jeqred l-inugwaljanza u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja.”

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li se tidħol fis-seħħ il-wegħda tal-baġit li se jingħata bonus addizzjonali ta’ darba lil kull familja għal xi żidiet li kienu saru f’xi prodotti, bħala kumpens.