Karnival ieħor il-ġimgħa d-dieħla?

Dilettanti tal-Karnival qed jiddiskutu għandhomx jitolbu għal permess biex minħabba l-maltemp, il-Karnival jimxi b’ġimgħa u jiġi organizzat fi tmiem il-ġimgħa li ġejja.
Grupp fuq Facebook b’numru mdaqqas ta’ dilettanti tal-Karnival qed jingħaqdu flimkien u jiddiskutu l-proposta biex jippreżentawha lill-awtoritajiet.
Fil-grupp qam l-argument li l-Karnival ikun ahjar jekk jinżamm fil-ġranet partikolari tiegħu minħabba r-Randan. Din il-proposta kellha l-appoġġ ta’ għaxieren ta’ dilettanti li kienu qed jesprimu l-frustrament tagħhom wara li jagħmlu xhur sħaħ jippreparaw għall-Karnival. 
Il-botti lejn l-Arċisqof ma naqsux b’persuna partikolari tgħid li “tiġi taqa’ u tqum” għax trid il-Karnival isir, avolja fir-Randan.
Oħrajn kellhom kliem dispreġġjattiv għal dawk li talbu għax-xita.
Min-naħa l-oħra, f’Għawdex jidher li l-Karnival baqa’ għaddej normali. Anke l-vapuri tal-Gozo Channel baqgħu joperaw bi skeda normali.
Għan-Nadurin u dawk kollha li jżuru n-Nadur fil-jiem tal-Karnival, l-entużjażmu għal dawn il-ġranet għadu ħaj kif jidher minn ritratti li poġġa fuq Facebook, is-Sindku tan-Nadur Edward Said.
Numru ta’ karrijiet jinsabu lesti fil-pjazza tan-Nadur biex illejla jieħdu sehem fil-Karnival spontanju. Jidher li l-ajruplan tal-Air Malta sab ruħu wkoll fil-pjazza mal-karrijiet l-oħra:

Anke lbieraħ, bix-xita niżla, uħud ħarġu bil-kostumi u bl-umbrelel biex iżommu mat-tradizzjoni.


Sadanittant irċivejna wkoll ritratt li ttieħed fil-Belt Valletta wara li tħassru l-attivitajiet tas-Sibt. Numru ta' kumpaniji taż-żfin ingħaqdu bħala grupp wieħed u għamlu iż-żifna taghhom.

Ritratt: Sarah Agius

Jekk għandek xi ritratti mill-Karnival li qed isir illejla ibgħathom fuq info@newsbook.com.mt.