Karnival 2013: “Jekk tipprova ċċaqlaq karru, jinżel bħall-ġelat”

It-temp fl-aħħar siegħat ma kienx ħanin mad-dilettanti, bi ħdax-il karru li tant sofrew ħsarat li mhux se jipparteċipaw.

Id-dilettanti qed iqisu li din is-sena ma tantx se jkun xi karnival tajjeb, fejn jidher ukoll li l-maltemp se jkompli jippersisti f’dawn il-jiem.

Tkellimna ma’ Jason Busuttil, President tal-Għaqda Dilettanti tal-Karnival, li madankollu qal kif l-attivitajiet jitħassru biss fl-aħħar minuta. Żeffiena bil-kostumi se jieħdu sehem xorta anke jekk il-karru ikun spiċċa ħabba x-xita u riħ.

B’mod naturali wieħed iħares b’ottimiżmu lejn is-sena d-dieħla. Dan għaliex mill-2014, se jibda jkun hemm karrijiet b’temi politiċi u fuq diversi politikanti.

Jason Busuttil jgħid li żammew lura din is-sena minħabba l-kampanja elettorali.

Huwa rringrazzja lill-partiti politiċi li naqqsu l-attivitajiet politiċi matul il-jiem tal-karnival.