Aġġornata: Karmenu Vella jirriżenja minn Membru Parlamentari

Aġġornata (21:25):
Karmenu Vella ċeda uffiċjalment is-siġġu tiegħu ta’ Membru Parlamentari billi ppreżenta r-riżenja tiegħu lill-Ispeaker Anġlu Farrugia.
F’diskors fil-ħin tal-Aġġornament, Karmenu Vella nsista li dan ma kienx diskors tal-aħħar imma diskors ta’ riżenja minn din il-leġiżlatura.
Iddeskriva s-sentiment tiegħu ta’ diqa għalkemm għandu entużjażmu biex jibda x-xogħol ġdid tiegħu ta’ Kummissarju Ewropew mill-ġimgħa d-dieħla. Qal li hu aċċetta l-kariga mill-ewwel meta l-opportunità ġiet offruta lilu.
“Dan hu l-bidu ta’ pass ieħor ’il quddiem fil-ħajja politika tiegħi” saħaq Karmenu Vella hekk kif spjega li xogħlu se jkun ta’ Kummissarju Malti fl-Ewropa mhux għal Malta biss.
Assikura lill-elettorat tiegħu li “s-siparju għadu ma niżilx” u li sakemm ikollu s-saħħa, mhu jeskludi xejn.
Saħaq li l-veru poter mhux tad-deputat Parlamentari imma taċ-ċittadin li jeleġġih. Insista fuq l-importanza tar-rispett reċiproku bejn deputati ta’ naħat differenti minkejja opinjonijiet li ma jaqblux.
Vella kien ilu deputat Parlamentari għal 38 sena. Kien ġie elett għall-ewwel darba fl-1976 meta dakinhar kien meqjus l-iżgħar membru Parlamentari.
Il-magħmudija tiegħu fil-politika kienet fl-1968 meta kien ikkontesta għall-Kunsill Ċiviku taż-Żurrieq. F’dak iż-żmien ukoll kien daħal fil-kumitat taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista u sab ruħu fl-Eżekuttiv tal-Partit.
Filwaqt li rringrazzja lill-familja, lill-kostitwenti tiegħu tal-ħames distrett elettorali, lill-Maltin li dejjem inkoraġġewh fil-karriera politika tiegħu, u lil dawk kollha li ħadmu miegħu fil-Parlament u fid-diversi Ministeri matul is-snin, talab skuża lil min seta’ naqas matul il-karriera politika tiegħu.
Irringrazzja wkoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat talli ħatru Ministru tat-Turiżmu u mbagħad Kummissarju Ewropew filwaqt li ħeġġu jkompli jaħdem għall-ġid tal-pajjiż.
Kemm il-Viċi Prim Ministru Louis Grech, u iktar kmieni, id-deputat Joe Debono Grech, f'isem il-Gvern, kif ukoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius awguraw kull ġid lill-Kummissarju Ewropew ġdid.

Iktar kmieni:
Il-Kummissarju Ewropew Malti Karmenu Vella, li jibda bil-ħidma tiegħu fil-Kummissjoni Ewropea mis-Sibt li ġej, se jindirizza għall-aħħar darba l-Parlament Malti llejla fil-ħin tal-Aġġornament.
Id-deputata Laburista Deborah Schembri, f’isem il-Gvern, talbet lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex jingħata l-permess biex membri tal-istampa jiġbdu ritratti u filmati tal-aħħar diskors tad-deputat Karmenu Vella.
Il-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco qal li minkejja li ftit jiem ilu l-Gvern ma tax l-approvazzjoni għal talba tal-Oppożizzjoni biex is-seduta dwar il-powerstation tinġibed u tixxandar, l-Oppożizzizzjoni ma ssib ebda diffikultà li d-diskors ta’ Vella jinġibed u jixxandar. Sostna li l-Oppożizzjoni temmen fil-prinċipju  li kull seduta għandha tiġi ffilmjata u tixxandar.
Il-ħin tal-Aġġornament jibda fid-9.00pm.