Karmenu Vella jikkonferma li bl-insib Malta tispiċċa quddiem il-Qorti Ewropea

Il-Kummissarju Ewropew Malti Karmenu Vella kkonferma li jekk il-Gvern jiftaħ l-istaġun tal-insib, Malta tirriskja li tispiċċa għal darb’oħra quddiem il-Qorti Ewropea.
Kien Newsbook.com.mt li fil-ġimgħat li għaddew ikkonferma li l-Kummissjoni Ewropea kienet fetħet proċeduri kontra Malta wara li l-Gvern fetaħ l-istaġun tal-insib is-sena li għaddiet.
Għalkemm għall-Kummissjoni Ewropea m’hemmx ġustifikazzjoni għall-insib, jirriżulta li l-Gvern Malti mhux jaqbel ma’ din il-pożizzjoni tant li l-kumitat Ornis diġà irrakkomanda l-ftuħ tal-istaġun tal-insib din is-sena wkoll.
Karmenu Vella qal dan waqt żjara f’Malta fejn attenda laqgħat ta’ kumitati biex jiddiskuti l-pjanijiet għal din is-sena.
Huwa kkonferma li diġà bdew il-proċeduri kontra Malta minħabba l-insib.
Mistoqsi dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, Karmenu Vella qal li qabel ma tiġi applikata deroga, l-awtoritajiet Maltin iridu jqisu l-pożizzjoni tal-gamiema, li qed titqies bħala vulnerabbli.
Dan wara li l-gamiema bdiet titqies bħala speċi vulnerabbli u tpoġġiet fil-lista l-ħamra mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura.
Vella spjega li biex ikun possibbli ssir kaċċa fuq il-gamiem, trid tingħata raġuni valida fl-applikazzjoni tad-deroga.
Qal li tkun il-Qorti Ewropea li tiddeċiedi jekk id-deroga tkun ġiet applikata sewwa.
Għalkemm il-kumitat Ornis irrakkomanda l-ftuħ tal-istaġun tal-insib fil-ħarifa, il-Gvern għadu ma ddeċidiex jiftaħx l-istaġun jew le.